Lokali

“Il-ħajja tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni tinsab fil-periklu”

Wara snin ta’ wegħdiet fierħa, Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem qegħdin qegħdin jappellaw sabiex l-awtoritajiet jindirizzaw l-irregolaritajiet fis-settur tal-kostruzzjoni.

Għaliex minkejja l-kliem u l-wegħdiet li ma waslu mkien ….u t-twaqqif ta’ awtoritajiet ġodda… dawn l-inċidenti li kkawżaw numru sostanżjali ta’ mwiet, żdiedu sew u dan huwa inkwetanti.

Fi stqarrija, huma kkundannaw il-fatt li fis-snin li għaddew l-Gvern approva kull strateġija biex iżżomm l-industrija tal-bini fuq quddiem billi żid iż-żoni għall-iżvilupp, ħareġ il-permessi sabiex jinbnew aktar sulari, ippermetta torrijiet għoljin, iffaċilità il-bejgħ ta’ diversi siti ta’ kostruzzjoni, iffaċilità l-iżvilupp fl-UCAs, u uża ordnijiet tal-iżvilupp magħrufa bħala DNOs biex jitħaffu proġetti ta’ żvilupp.

L-għaqdiet saħqu li dawn l-inċentivi kollha li imbotta l-Gvern fl-aħħar snin jikkontribwixxu għat-traġedji li qegħdin jirriżultaw minn inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni.

L-MEA u Flimkien għal Ambjent Aħjar saħqu li l-flus qabżu s-sens tal-ħsieb u tas-sigurtà tal-ħaddiema jew tal-ġirien…. bħal fil-każ ta’ Miriam Pace, u ta’ JeanPaul Sofia.

Wara tant snin ta’ wegħdiet fierħa ta’ riforma, l-għaqdiet ikkonfermaw li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għad m’għandhiex ir-riżorsi sabiex  tinforza bis-sħiħ is-sigurta fis-sit tal-bini. Filfatt sal-lum, kull min m’għandux taħriġ jew esperjenza jista’ jsir kuntrattur ġaladarba jimpjega persuna liċenzjata sabiex imur fil-post u jsegwi l-progett.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tkompli tinsisti sabiex jiġu stabbiliti standards adegwati permezz ta’ infurzar strett u miżuri xierqa biex tiġi żgurata r-responsabbiltà.

Minn naħa l-oħra l-periti għandhom jerfgħu is-sehem tagħhom ta’ responsabbiltà meta jaħdmu fuq proġetti ta’ kostruzzjoni mingħajr ma’ jpoġġu l-ħajjiet tal-ħaddiema fil-periklu.