Futbol Sport

Inter jegħlbu lil Salzburg b’żewġ gowls f’kull taqsima

(Ritratt: Domenic Aquilina/ International Malta Friendlies 2022)

Rowen Camilleri

INTER………………………4

RB SALZBURG………..0

Inter : S. Handanovic (A. Codaz 73’), A. Bastoni (A. Palamatti 86’), M. Skriniar (S. Di Pentima 86), F. Acerbi (A. Fontarosa 86’), F. Dimarco (R. Gosens 46’), R. Bellanova (N. Biral 80’), N. Barella (V. Carboni 73’), R. Gagliardini (T. Guerico 86’), H. Calhanoglu (K. Asslani 46’), H. Mhkitaryan (A. Stankovic 80’), E. Dzeko (J. Zuberek 73’)

RB Salzburg: N. Manti (A. Stejskal 46’), M. Wober (L. Wallner 74’), Bernardo, S. Baidoo (K. Piatkowski 74’), A. Dedic, L. Agyekum (R. Hofer 65’), N. Seiwald (T. Sahin 65’), D. Kameri (Z. Jano 65’), M. Kjaergaard, K. Konate, S. Koita (R. Simic 32’)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli u Edward Spiteri

Skorjaw: H. Mkhitaryan 20’,72’, F. Acerbi 42’, V. Carboni 90’ (I)

Fit-Tony Bezzina Stadium, Inter għelbu lil RB Salzburg 4-0 b’doppjetta ta’ Mkhitaryan u gowl kull wieħed ta’ Acerbi u Carboni. Din kienet it-tieni partita ta’ ħbiberija għat-tim immexxi minn Simone Inzaghi wara li nhar it-Tnejn lagħbu kontra Gżira United.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet wara sitt minuti logħob meta Inter għoddhom ħasdu lill-avversarji meta minn kross ta’ Dimarco l-ballun waqa’ f’saqajn Mkhitaryan iżda l-Armen ma’ kkontrollax tajjeb u minn taħt il-lasta tefa’ barra. Fit-18-il minuta kross ta’ Bastoni fil-kaxxa li sab lil Dzeko iżda x-xutt mill-ewwel tal-eks Roma mar għoli.

Inter marru minn fuq fl-20 minuta fejn reġa kien Dimarco li provda kross preċiż lejn Henrikh Mkhitaryan li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Manti. Man-nofs siegħa logħob Nicolo Barella jipprova minn barra l-kaxxa bix-xutt mill-isbaħ tal-internazzjonali Taljan jgħaddi ftit barra.

L-ewwel tentattiv tal-Awstijaki lejn il-lasti ta’ Handanovic wasal fil-35 minuta bil-konklużjoni minn barra ta’ Kameri tmur barra.

Inter irdoppjaw fit-42minuta minn free kick mogħti minn Calhanoglu, bil-kross tat-Tork jasal fil-kaxxa ż-żgħira fejn kien hemm Francesco Acerbi fil-pożizzjoni t-tajba, li b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ fix-xibka għal 2-0.

L-ewwel periklu fit-tieni taqsima ħolquh Inter fit-53 minuta meta s-sostitut Robin Gosens tefa’ kross fuq ras Mkhitaryan li tefa’ barra mill-viċin. Tliet minuti wara Handanovic kellu jwettaq save fuq xutt minn sieħbu stess meta f’tentattiv li jtajjar Acerbi ħa l-ballun ħażin u kien għoddu għamel awto gowl spettakolari, bil-goalkeeper Sloven idawwar f’korner. Handanovic reġa wettaq save tajjeb mas-siegħa logħob fuq xutt mix-xellug ta’ Konate.

Fit-68 minuta Salzburg fuq l-attakk bin-Norveġiż Kjaergaard javvanza u minn qagħda ċentrali prova xutt li iżda ma nkwetax wisq lil Handanovic.

Inter għamluhom tlieta fit-72 minuta minn azzjoni mibdija minn Bellanova li tefa’ kross lejn Dzeko li bir-ras niżżel lejn Mkhitaryan li mill-viċin kompla għal ġewwa.

Inter skorjaw ir-raba u l-aħħar gowl fid-90 minuta meta minn kross ta’ Gosens kien iż-żgħażugħ Arġentin Valentin Carboni li mgħejjun mil-mimduda għamel l-iskor 4-0 b’din tkun l-aħħar azzjoni tal-partita qabel it-tisfira finali ta’ Trustin Farrugia Cann.