Lokali

“Ir-runway tal-abort idaħħalha l-professjonist” – Ministru Falzon

Clyde Caruana jgħid li jimxi kif jgħidlu l-Whip tal-Labour

Miriam Dalli mingħajr kummenti, Owen Bonnici ma jaqbilx, Clayton Bartolo jistħi jgħid tiegħu….u issa Clyde Caruana qed jgħid li s-sitwazzjoni kibret iżżejjed filwaqt li Michael Falzon spiċċa jfarfarha fuq il-professjonist.

Hija din is-sitwazzjoni preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela – bil-Ministri bħal donnhom ma jafux liem naħa se jiġbdu…jekk hux skont li jgħidilhom moħħhom…jew dak li qed jghidilhom il-Partit Laburista.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Clyde Caruana jekk hu jaqbilx mal-abort, lil’hinn mid-diskussjoni ta’ bħalissa, bl-eks Chief of Staff ta’ Abela l-ewwel jgħid li s-sitwazzjoni preżenti qed tikber wisq…imbgħad qal li jagħmel kif jgħidlu l-Partit.

Dan filwaqt li l-Ministru għall-Familja, Michael Falzon insista li kollox qed jindika li kulħadd qiegħed jaqbel mal-ewwel parti tal-emenda..u li d-diżgwid jinsab fuq it-tieni parti.

Mistoqsi mill-ġurnalist tat-Times wara li Net News staqsih jekk jaqbilx mal-emenda jew jaħsibx li għandha tinbidel…Falzon spiċċa farfarha fuq il-professjonisti mediċi.

Ftit tal-mumenti qabel, Net News staqsa lill-Ministru Falzon jekk jaqbilx mal-eks Ministru Laburista u President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca; jiġifieri li għandu bżonn jingħata s-serħan il-moħħ u tiġi mibdula l-emenda tal-liġi kif proposta…b’Michael Falzon jisħaq li d-diskussjoni għadha miftuħa filwaqt li insista li hu ma jaqbilx mal-abort.

Minkejja din l-istqarrija ċara u tonda…huwa xorta waħda ammetta mat-Times li jkollu jbaxxi rasu għal li jgħidlu l-Partit tal-Labour.