Lokali

L-art tal-Gvern fejn seħħ it-tiġrif f’Kordin inkriet lil allegat traffikant tal-bnedmin

It-Times bi żvolta ġdida dwar it-tiġrif tal-bini f’Kordin

L-art tal-Gvern f’Kordin, fejn krolla bini li ħasad il-ħajja ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena nhar is-Sibt li għadda, ġiet mikrija lil persuna li allegatament huwa traffikant tal-bnedmin.

It-Times irrappurtat illi uffiċjal għoli tal-Awtorità tal-Artijiet li ħabbat wiċċu ma’ akkużi ta’ traffikar tal-persuni… għandu rabta diretta ma’ din l-art. Dan hekk kif ġie żvelat li l-Gvern kera l-art fejn seħħ it-tiġrif lill-  uffiċjal Kurt Buhagiar u lis-sieħeb tiegħu fin-negozju, Matthew Schembri.

L-istess ġurnal irrapporta li Buhagiar, hu meqjus bħala l-id il-leminija tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella.

L-avukati ta’ Buhagiar, Franco Debono u Arthur Azzopardi saħqu mat-Times li Buhagiar qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina u qed jikkopera mal-investigaturi b’rabta ma’ dak li seħħ fit-3 ta’ Diċembru…tiġrif li fih inqatel żagħżugħ u weġġgħu 5 oħra.

Il-ġurnal irrapporta li l-avventura ta’ Buhagiar mal-Lands bdiet fl-2021, bħala xufier tal-Kap Eżekuttiv. Bir-records tal-Gvern juru li f’temp ta’ ftit aktar minn sena huwa ġie promoss bħala uffiċjal għoli fi ħdan l-uffiċċju ta’ Robert Vella.

Skont akkużi fil-Qorti Taljana, Buhagiar u żewġ Maltin oħrajn kienu involuti fi traffikar ta’ immigranti bejn il-Libja u Sqallija. Huwa kien arrestat lura fl-2009 meta allegatament kien inqabad jittraffika l-immigranti wara li prova jaħrab lill-uffiċjali tal-Guardia di Finanza permezz ta’ powerboat.

Ta’ min ifakkar ukoll li anke Matthew Schembri xellef difrejh mal-ġustizzja, din id-darba f’Malta …fejn hu jinsab akkużat li allegatament qabbad żewġt irġiel biex iħebbu għall-eks kunjatu tiegħu. Dan filwaqt li ġie spjegat li dan ma kienx l-unika kuntratt li akkwistaw dawn l-individwi minn entitajiet tal-Gvern.

Din l-art partikolari f’Kordin ingħatat lil Buhagiar u Schembri mill-aġenzija governattiva Indis – bir-records juru li fuq l-art kellha tinbena fabbrika tal-għamara.

Il-perit li ddisinjat l-binja li waqgħet hija Adriana Zammit, impjegata ma’ Infrastructure Malta.

S’issa, għadu mhux magħruf jekk Zammit hix se tiġi sospiża mill-impjieg tagħha jew le sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.