Lokali Parlament

Jeħtieġ jitwaqqaf tribunal għall-każi ta’ moħqrija fuq l-annimali

Janice Chetcuti, PN

Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti pproponiet fil-parlament li jinħoloq tribunal li jitratta u jisma’ każi ta’ moħqrija fuq l-annimali biex b’hekk il-liġi tkun implimenatat b’mod iktar effettiv.

Janice Chetcuti qalet li hu pożittiv li l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jkolha r-reġistru b’lista ta’ nies li wettqu atti kriminali kontra l-annimali, li n-nies li jinqabdu jagħmlu atti kontra l-annimali ma jkunux jistgħu jżommu annimali u fil-periklu meta jkun għaddej il-proċess fil-qorti l-annimali jittieħdu f’postijiet aħajr beix tieqaf il-moħqrija.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li għandu jkun hemm iktar kontrolli fuq persuni li jieħdu ħsieb annimali meta s-sidien ikunu imsiefra; jeħtieġ regoli li jkkontrollaw dawn is-servizzi.

Hi staqsiet f’liema stadju waslu t-termini għall-breeders responsabbli u sostniet li għandhom jittieħdu l-passi neċessarji quddiem sitwazzjonijiet ta’ klieb li jinżammu fi spazji żgħar minkejja li jkollhom x’jieklu u fejn jistkennu.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet il-ħames libertajiet tal-annimali li huma li jkunu ħielsa mill-ġuħ u mill-għatx, ħielsa mill-iskumdità, mill-mard u ħielsa minn biża’ u tensjoni.

Jeġtieġ li jkun hemm tibdil immedjat biex l-annimali ma jinżammux weħidhom ‘il bogħod mill-bniedem għax ikun hawn li l-annimali jsiru perikolużi. L-ebda kelb mhu perikoluż, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li huma l-bnedmin li huma perikolużi meta jġibu kelb u jitrattaw ħażin.

Hi nsistiet li l-infurzar ikun effettiv b’Direttorat organizzat, b’saħħtu u effiċjenti għax mhux kulħadd qed jagħmel xogħlu b’dan il-mod minħabba li dawn il-ħaddiema qatt ma kellhom it-taħriġ meħtieġ.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li hemm bżonn iktar ambulanzi biex isalvaw lill-annimali u staqsiet kemm id-Direttorat hu b’saħħtu biex jara li l-liġijiet qed jitwettqu. Għandu jkun hawn tribunal li jkun jiffoka biss fuq krimini li jitwettqu fuq l-annimali biex il-liġijiet ikunu applikati b’mod korrett u dirett.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li ma taqbilx ma’ pre-avviż ta’ 24 siegħa biex isiur tfittxijiet għal moħqrija fuq l-annimali u sostniet li l-klieb għandhom ikunu marbuta biss meta dawn jinħarġu fil-kampanja.