Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat wara li ġie mixli li meta kien bil-pleġġ ħebb għall-eks sieħba bi flixkun

Sirjan ta’ 33 sena inżamm arrestat wara li ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet mogħtija lilu fil-Qorti fuq każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Maltija. L-arrest tal-akkużat ma ġiex kontestat minn naħa tad-difiża, li lanqas ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Huwa ġie mixli wkoll li għal madwar 15-il ġurnata ma jiffirmax fl-Għassa tal-Pulizija, u kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija, meta kien jaf li l-Pulizija trid tkellmu. Adnan Haj Habbo, loi xogħlu hu li jpoġġi l-madum u li huwa residenti Raħal Ġdid wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li waqt li kien bil-libertà proviżorja u fuq ordni li ma jersaqx lejn l-eks sieħba tiegħu kkaġunalha feriti gravi meta aggrediha b’daqqa ta’ flixkun fil-lokalità tar-Rabat.

Huwa kien tressaq il-Qorti oriġinarjament mixli li kisser il-vettura tal-allegata vittma. Ġara li waqt li kien bil-pleġġ baqa’ jsegwi lil mara u meta skopra li din kienet qed toħroġ ma’ xi ħadd ieħor, ħadha bi kbira, u beda jsegwiha, u malli waqqfet tieħu l-petrol bil-karozza tagħha, qabad flixkun, kissru u aggrediha bih.

Haj Habbo, ma kienx qed jaċċetta li l-eks sieħba tiegħu ma tridx ikollha relazzjoni miegħu. Huwa ġie mixli wkoll kkaġuna vjolenza morali jew fiżika fil-konfront tagħha. Ġie mixli wkoll li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li nġirjaha. Haj Habbo, li ffaċċa disa’ akkużi ġie mixli wkoll li b’theddid, li kiser il-paċi pubblika u li kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit, għall-akkużat deher l-Avukat  Jason Grima filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru bħala parte civile għan-nom tal-allegata vittma.