Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ kumpens għal Bastjan Dalli fuq każ tal-2009

Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet ordnat lill-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat biex jgħaddu kumpens ta’ €27,952 lil Sebastian Dalli, magħruf bħala Bastjan, wara li ġiet revokata deċiżjoni tal-iffriżar tal-assi fil-konfront tiegħu.

Id-deċiżjoni ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul. Din kienet baqgħet fis-seħħ għal kważi 13-il sena, li kienet imposta fuqu fuq każ ta’ traffikar ta’ droga kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu. Dalli, jiġi ħu l-eks Ministru u eks Kummissarju tal-UE John Dalli, kien ppreżenta l-proċeduri Kostituzzjonali lejn l-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra.

Dalli kien tressaq il-Qorti fi Frar tal-2009, akkużat b’konfoffa għall-importazzjoni tal-cannabis. Dalli kien ġie arrestat waqt operazzjoni tal-Pulizija f’Miġra l-Ferħa waqt li kien qed jieħu kunsinna ta’ dik li kienet maħsuba cannabis – iżda li rriżulta li kien sapun.

Waqt it-tressiq tiegħu, il-Qorti tal-Maġistrati ordnat l-iffriżar tal-assi tiegħu. Kif kienet il-liġi dak iż-żmien, l-akkużat qatt ma seta’ jopponi t-talba għal ordni ta’ ffriżar u lanqas il-qorti ma kellha s-setgħa li tiċħad it-talba tal-prosekutur. Kien biss wara ħames snin minn meta Dalli tresaq fl-2014, li l-liġi nbidlet biex tippermetti li t-talba għal ordni ta’ ffriżar tiġi kkontestata jew miċħuda mill-qorti f’każijiet bħal dawn.

Dalli kien sostna ksur tad-dritt tiegħu ta’ pussess paċifiku ta’ proprjetà u li l-ordni ta’ ffriżar “inkontestabbli” kienet qed tikkaġuna piena ħarxa fuq persuna li kienet għadha preżunta innoċenti. Il-Qorti wara li eżaminat l-atti tal-proċeduri kriminali sabet, li dan id-dewmien ma kienx ikkawżat minn xi għemil ta’ Dalli. Xejn ma jindika li huwa qatt ma deher, ħlief meta kien awtoriżżat isiefer jew li b’għemilu ikkontribwixxa għat-tul tal-proċeduri.

L-element ta’ żmien raġonevoli sanċit fl-artikolu 6 tal-Konvenzjoni m’għandux jimmina l-prinċipju ġenerali tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja. Il-Qorti, mingħajr eżitazzjoni, issib li ġie ukoll miksur id-dritt
għal smiegħ xieraq minħabba dewmien altru milli irraġjonevoli, liema drit funadamentali huwa imħares mill-artikolu 39(2) u 6(1) tal-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni rispettivament.

Il-Qorti ħasbet dwar x’tip ta’ rimedju jista’ jingħata fiċ-ċirkostanzi. Fost dawn żgur li jrid jingħata kumpens lir-rikorrent. Dan għandu jkun dak ta’ €27,952. Dan l-ammont huwa kalkolat fuq kemm huwa konċess li tibqa’ tirċievi persuna kolpita minn ordni bħal din bis-saħħa ta’ artikolu 21(1)(b) tal-Kap 101 tal-liġijiet.

il-Qorti, għar-raġunijiet imsemmija laqgħet it-talba ta’ Dalli u tiddikjara illi dan sofra leżjoni tad-dritt tiegħu tat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tiegħu kif protett bl-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropeja u li kien hemm ksur tad-dritt fundamentali tal-bniedem tar-rikorrent inkwantu manifestament ma ngħatax smiegħ xieraq minħabba dewmien irraġjonevoli fil-proċeduri,

Għaldaqstant kienet laqgħet it-talba u tirrevoka l-Ordni tal-Iffriżar mertu tal-proċeduri kriminali fl-ismijiet Il-Pulizija ( Supt. J.J. Fenech ) -vs- Sebastian Dalli. Laqgħet ukoll it-talba u tillikwida bħala kumpens li għandu jingħata lir-rikorrent bl-imgħaxijiet legali mid-29 ta’ Mejju 2019 sal-pagament effettiv.

L-avukat ta’ Dalli, Arthur Azzopardi kien sostna li l-liġi l-ġdida tal-2014 għadha ma kinitx toffri l-possibbiltà li persuni fil-pożizzjoni ta’ Dalli jagħmlu talba għar-revoka ta’ ordnijiet ta’ ffriżar lill-Qorti Kriminali. Minkejja dan, u sabiex teżawrixxi r-rimedji lokali kollha qabel ma tressaq il-każ quddiem il-Qrati Ewropej, Dalli kien ressqet talba f’dan il-linja f’Diċembru 2020.

L-Avukat Ġenerali kien oppona din it-talba. F’Jannar 2021, il-Qorti Kriminali rrifjutat li tirrevoka l-ordni ta’ ffriżar, u qalet li għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm tingħata s-sentenza finali. Madankollu, il-Qorti Kriminali stiednet ukoll lil Dalli biex iressaq kawża Kostituzzjonali dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri kontrih.

L-avukat ta’ Dalli ilmenta li l-ordni ta’ ffriżar kienet miżura drakonjana li kienet “paralizzata għal kollox” il-kummerċ personali kollu ta’ Dalli, b’mod partikolari r-relazzjoni tiegħu mal-bank tiegħu. Azzopardi sostna li l-miżura kienet sproporzjonata, peress li ma kinitx limitata għall-ammonti allegati li Dalli kien jikseb permezz tar-reat, iżda kopriet l-assi kollha tiegħu tal-passat u tal-preżent.

Qal li l-ordni ta’ ffriżar kif applikata f’dan il-każ kienet qed tikser id-dritt tiegħu għall-protezzjoni minn ċaħda ta’ proprjetà mingħajr kumpens, kif minqux kemm fil-Kostituzzjoni kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-avukat ta’ Dalli sostna li kull indħil fid-dritt għat-tgawdija ta’ proprjetà privata kellu joħloq bilanċ bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-individwu. Kien id-dmir tal-qrati domestiċi li jissodisfaw lilhom infushom li l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent ma kienx se jikkawżalu aktar ħsara minn dik li inevitabbilment joħroġ minn tali miżuri qal l-Avukat.

L-Avukat tal-Istat u tal-Avukat Ġenerali qalui li Dalli kien qed jabbuża mill-proċeduri kostituzzjonali. Madankollu, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Sede Kostituzzjonali ddeċidiet f’Marzu li tannulla u tirrevoka l-ordni ta’ ffriżar għax sabet ksur fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem. L-istess qorti ordnat li Dalli jingħata kumpens ta’ kważi €28,000.

L-Avukat tal-Istati u l-Avukat Ġenerali appellaw mis-sentenza f’April li għadda u talbu lill-Qorti tħassar is-sentenza. F’deċiżjoni li qed titqies bħala storika, il-Qorti Kostituzzjonali tenniet li d-dewmien fil-proċeduri kriminali kien jikser id-drittijiet fundamentali ta’ Dalli u ma qablitx li l-kumpens kellu jiġi rrevokat. Qalet li l-ewwel qorti ma sabitx biss ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, iżda wkoll ksur tad-dritt tiegħu li jgawdi ħwejġu b’mod paċifiku.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li fliet bir-reqqa l-proċess tal-proċeduri kriminali kontra Dalli u ċċensurat l-attitudni li tal-Avukat Ġenerali tul das-snin kollha. Innotat li f’Mejju tal-2009, il-Pulizija ddikjarat li ma kienx fadlilha provi xi tressaq. Iżda l-kawża għadha fl-istadju tal-provi tal-prosekuzzjoni sal-lum il-ġurnata, 13-il sena wara li saret din id-dikjarazzjoni.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li ma tistax tifhem kif l-Avuka Ġeenrali talab li jiġu ppreżentati t-traskrizzjonijiet tat-telefonati interċettati mis-Servizzi Sigrieti biss f’Settembru tal-2012, meta dawn ġew esebiti malli bdiet il-kawża tliet snin qabel. Qalet li din it-talba tawlet il-kawża b’għadd ta’ snin u rat il-ħatra ta’ erba’ esperti differenti b’waħda minnhom għadha ma ppreżentatx it-traskrizzjonijiet li kellha tagħmel.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li wara li l-pulizija kienu ilhom mill-2009 jgħidu li ma kellhomx aktar provi xi jressqu, b’sorpriża għal kulħadd, fi Frar tal-2022, l-Avukat Ġenerali talab li l-Qorti tal-Maġistrati tisma’ 8 xhieda u li jiġu prodotti għadd ta’ dokumenti. Il-qorti qalet li din kienet ta’ sorpriża anke għall-Pulizija stess għax f’Marzu 2020 iddikjarat li ma kellhomx xhieda mħarrka.

“Din hija attitudni tassew inspjegabbli”, qalet il-Qorti Kostituzzjoni għax sostniet li kull darba li l-qorti ordnat lill-Avukat Ġenerali biex jagħti spjegazzjoni, dan baqa’ intransiġenti u baqa’ jibgħat l-istess talbiet daqslikieku lanqas kien qed jindenja ruħu mhux biss jara x’sar fil-kawża b’mod ġenerali, imma mqar jaqra l-aħħar verbal li jkun sar biex ikun f’qagħda jagħti l-ispjegazzjoni li talbitu l-qorti u joħroġ in-nota ta’ rinvinju li tirrifletti dak li ġara fil-kawża.

Il-Qorti qalet li meta jkunu għaddew 13-il sena mindu nħarġet l-ordni ta’ ffriżar wieħed jibda jiddubita kemm din il-miżura tista’ tibqa’ titqies bħala temporanja. Agħar minn hekk qalet li Dalli ma kellu l-ebda mezz biex jikkontestaha u spiċċa f’pożizzjoni mill-istat li jibqa’ jsofri l-ordni tal-iffriżar maħruġa fl-2009, sakemm il-kawża tiġi deċiża b’mod finali, ikun meta jkun u rrispettivament minn kull ċirkostanza li setgħet żviluppat.

Il-qorti Kostituzzjonali qalet li huwa ċar li għalkemm ordni ta’ ffriżar hija miżura leġittima fl-interess ġnerali, din mhix ġustifikata meta jkun hemm dewmien ta’ żmien tal-proċeduri. Hija nnotat ukoll nuqqas fil-liġijiet tagħna li ma jagħtux is-setgħa lill-qrati ordinarji li jeżaminawha u jaraw għadhiex ġustifikata..

Qalet li hija biss it-tneħħija tal-Ordni ta’ ffriżar li tista’ toffri rimedju xieraq u adegwat fid-dawl ta’ dak li ġarrab tul is-snin. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li ordni ta’ iffriżar ma tistax titħassar mill-ewwel qorti għax l-istat naqas milli jilleġisla f’dan is-sens b’detriment għal Dalli.

Ingħad ukoll mill-ogħla Qorti tal-pajjiż li minkejja d-dewmien, l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat ma sabu ebda mod kif jiġġustifikaw il-kontinwità tal-ordni ta’ ffriżar, iżda illimitaw ruħhom biss li jagħmlu argumenti ġeneriċi. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li dawn naqsu milli jispjegaw lill-qorti kif illum il-ġurnata għadu fl-interess pubbliku li l-ordni ta’ ffriżar jibqa’ fis-seħħ sakemm xi darba jiġu konklużi l-proċeduri kontrih u dan minkejja li almenu prima facie hemm dubju serju dwar xi qligħ seta’ laħaq għamel ikkonsidrat li d-‘droga’ ġiet interċettata mill-pulizija u saħansitra li dik id-droga mhi droga xejn.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li ħasbet fit-tul dwar jekk għandhiex iżżomm fis-seħħ din l-ordni jew le u qalet li idealment jkunu l-qrati ordinarji li jagħmlu dan. Iżda tenniet li dan ma jistax isir minħabba nuqqas tal-istat. Wara li qieset dan u l-mod pjetuż li bih qed jitmexxew il-proċeduri kriminali kontra Dalli, u meta l-Avukat Ġenerali u tal-Istat naqsu milli jagħtu mqar raġuni waħda li hija konnessa mal-fatti tal-każ għax l-ordni ta’ ffriżat għandu jibqa’ fis-seħħ, il-qorti kostituzzjonali qieset li m’hemmx raġuni valida biex tiddisturba d-diskrezzjoni tal-ewwel qorti f’dan ir-rigward.

Kien għalhekk li t-tliet Imħallfin ikkonfermaw is-sentenza appellata u ordnaw li kopja ta’ din is-setenza tintbagħat lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.