Lokali Parlament

L-annimali kollha għandhom ikunu protetti anki l-għasafar

Albert Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal li l-annimali kollha għandhom ikunu protetti anki l-għasafar.

Fil-parlament Albert Buttigieg qal li l-istima u l-kura tal-annimali turi min verament ikun il-bniedem. Hu sostna li l-istima lejn l-annimali għandha tintwera bil-fatti u kompla li l-annimali m’għandhomx jintużaw f’attiviatjiet li fihom ikunu maħqura.

Il-liġi qed tbexxaq il-bieb għal dawn l-attivitajiet u qed tkun inkonsistenti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li staqsa x’inhu s-sinifikat ta’ wirijiet artistiċi li fihom se jkun possibbli li jintużaw l-annimali.

Id-deputat Nazzjonalista ikkundanna l-annimali li jkunu esposti fit-tul fix-xemx u anki dawk li jkollhom jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi bl-użu tal-frosti, in-nerv u x-xokkijiet elettriċi.

Hu qal li l-liġi għandha tikkunsidra bis-saħħa dawn l-aspetti. L-annimali m’għandhomx jinżammu fi spazji ristretti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li dan l-abbozz kellu jikkunsidra wkoll pieni għal min jabbanduna l-annimali barra. Hu appella biex l-annimali ma jingħatawx bħala rigali għall-Milied u sostna li l-gvern m’għandux kruaġġ jemenda l-abbozz fil-kuntest tal-kaċċa, qishom l-għasafar mhux annimali wkoll.