Lokali

L-organizzazzjonijiet tad-diżabbiltà kontra l-abort

Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal- Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità Marthese Mugliette, tenniet il-pożizzjoni tal-Federazzjoni kontra l-abort.

Mugliette qalet dan waqt laqgħa li ġiet organizzata fil-Parlament l-Erbgħa filgħodu bit-tema ‘Flimkien, biex ngħelbu l-isfidi għall-persuni b’diżabilità.’

“L-MFOPD qiegħda tikkonferma l-pozizzjoni tagħha. L-MFOPD hija kontra l-abort. Favur l-IVF iżda kontra l-genetic testing”.

Waqt din is-seduta speċjali ssemmew bosta sfidi li jolqtu direttament lill-persuni b’diżabbilità, fosthom ir-riskju ta’ faqar u l-isfidi fid-dinja tax-xogħol.

Marthese Mugliette qalet li l-għajnuna li ingħatat fil-budget t’Ottubru li għadda għall-assistenza għall-persuni b’dizabbilità hija tajba…. iżda mhix bizejjed.

“Din il-miżura hija importanti ħafna iżda weħidha ma tagħmilx mirakli. Hemm bżonn li persuni b’diżabbilità jsibu s-servizzi fil-kommunità u jsibuhom x’ħin ikollhom bżonnhom. Toroq, bankina, binji u ġonna pubbliċi għandhom jiġu aċċessibbli għal kulħadd. Opportunità għall-persuni b’diżabbilità.”

F’intervent, Marco Portelli mill-Malta Association of Crohn’s and Colitis, saħaq li kull persuna teħtieġ li tingħata l-mediċina apposta għall-kundizzjoni tagħha għaliex ma nistghux naħsbu bil-mentalita ta’ one size fits all. Min-naħa tiegħu, Josef Busuttil mill-Malta Association of Crohn’s and Colitis, appella lill-Gvern biex tibda tingħata l-Can’t wait card lill-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni biex ikunu jistgħu jużaw il-faċilitajiet sanitarji mingħajr dewmien.

Claudia Farrugia mill-Malta Dyslexia Association saħqet li madwar 10% tal-populazzjoni Maltija ibatu minn dyslexia, filwaqt li tenniet li sfortunatament, bosta tfal li jbatu minn din il-kundizzjoni qegħdin joħrogu mill-Primarja ma jafux jiktbu u jaqraw.

Catherine Vassallo mill-Mental Health Malta, fakkret kif fl-2020, il-Gvern wiegħed ċertu medicini li għadhom s’issa mhux aċċessibbli mil POYC, filwaqt li l-isptar li kien imwiegħed fl-istess budget għadu qas biss beda jinbena.

F’din is-sessjoni parlamentari ngħad li skont statistika ppubblikata fl-aħħar jiem, madwar 34% tal-persuni b’diżabbilità jesperjenzaw abbuż sesswali, filwaqt li 46% tal-persuni b’diżabbiltà esperjenzaw xi tip ta’ vjolenza.

L-appell li ħareġ minn din il-laqgħa kien wieħe; biex qabel kull deċiżjoni li tittieħed fil-Parlament, jitħarsu l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbilità.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea, il-Kelliema tal-PN għall-Inkluzzjoni u l-Volontarjat li saħqet li l-persuni b’diżabbiltà qegħdin fiċ-ċentru tal-ħidma tal-PN, filwaqt li insistiet li ż-żewġ naħat tal-kamra iridu jaħdmu flimkien ‘il bogħod mill-politika partiggjana biex dan is-settur ikun jistà verament jimxi l’quddiem.

Min-naħa tiegħu, Ivan Bartolo ,il-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar, sostna li fil-parlament hemm bżonn qalb li ma tagħżilx min jitwieled u min ma jitwielidx filwaqt li tenna li huwa f’isem il-PN jaqbel li jinqered il-mard u tbatija, iżda mhux ghad-detriment tal-ħajja nnfisha.