Lokali Qorti

L-UPE tressaq kawża Kostituzzjonali kontra l-ITS, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Avukat tal-Istat

L-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE) ressqet kawża kostituzzjonali kontra l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), il-Ministeru tat-Turiżmu kif ukoll l-Avukat tal-Istat wara li s-saga li għaddejja fl-ITS naqset milli tasal għal konklużjoni sodisfaċenti wara ittri li jintimaw azzjoni dixxiplinarja kontra membri tal-istaff talli allegatament segwew id-direttivi tal-UPE.

L-UPE qalet li ppruvat minn kollox biex issolvi l-impass – fil-fatt, dan l-aħħar sat-30 ta’ Novembru 2022, hija nnotifikat lill-ITS li kienet irtirat id-direttivi kollha tagħha f’tentattiv biex issib triq ‘il quddiem. Sfortunatament, is-CEO fl-ITS, Pierre Fenech, saħaq li huwa “impossibbli li jitwaqqfu l-proċeduri dixxiplinarji peress li għandhom x’jaqsmu ma’ azzjoni imwettqa minn ċerti membri tal-ITS.”

L-ITS ibbażat l-argument tagħha fuq klawżola 38 tal-ftehim kollettiv iffirmat bejn l-ITS u l-MUT li fiha “Il-management u l-unjin qablu li azzjoni industrijali mhux uffiċjali hija ta’ detriment kemm għall-istitut kif ukoll għall-union u bħala tali m’għandhiex tiġi appoġġjata.

Huwa miftiehem li kull akkademiku/i li jorganizza/i u/jew jieħu/i sehem f’xi azzjoni industrijali mhux uffiċjali, għandha tkun suġġetta għal azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għal tkeċċija. “Azzjoni industrijali mhux uffiċjali” hija kull tip ta’ azzjoni industrijali mhux mibdija mill-unjoni rikonoxxuta.”

Sussegwentement l-UPE ressqet tilwima kummerċjali fid-9 ta’ Novembru 2022, peress li klawsola 38 hija meqjusa bħala antikostituzzjonali u tmur kontra l-libertà bażika li l-ħaddiema għandhom ikunu affiljati ma’ unjin tal-għażla tagħhom. “Ladarba union tiġi rikonoxxuta bħala l-unika unjin ta’ negozjar kollettiv, l-ebda union oħra tista’ tintervjeni fuq kwistjoni kollettiva li għandha x’taqsam ma’ l-impjegati kkonċernati ma’ min iħaddem, u bil-maqlub, ebda min iħaddem m’għandu jiddiskuti kwistjonijiet kollettivi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-impjegati kkonċernati ma’ union għajr l-union rikonoxxuta.”

Dak li ġie njorat hu li l-UPE li hija l-unjoni tal-minoranza ma toħroġx direttivi fuq bażi kollettiva, iżda toħroġ direttivi biss lill-membri tagħha.”Huwa t-twemmin tagħna li l-istaġnar legali seta’ jiġi solvut kieku d-diskussjonijiet saru b’rieda tajba, iżda dan ma kienx il-każ minħabba l-intransiġenza murija mill-ITS minkejja l-irtirar tad-direttivi”, hija qalet.

Kompliet tgħid li l-union hija leali għall-valuri ewlenin tagħha, u l-UPE għandha d-dmir li tipproteġi l-membri tagħha fl-ITS u ddeċidiet li tibda azzjoni legali. L-ewwel seduta tal-qorti hija skedata li ssir fl-14 ta’ Diċembru, 2022. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleriu David Camilleri qed jirrapreżentaw lill-UPE.