Lokali

“Ma nistgħux naħarquha lil din is-saħħara?” – Eve Borg Bonello tirrapporta theddid fuq ħajjitha

Id-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello irrapportat lill-Pulizija theddid fuq ħajjitha li rċeviet fuq il-midja soċjali wara li indirizzat diskors parlamentari matul il-jum tat-Tnejn hekk kif insistiet li hija kontra l-abbozz ta’ liġi li qed jipproponi l-Gvern tal-Labour, abbozz li diversi esperti qed jisħqu li se tintroduċi l-abort mill-bieb ta’ wara.

Wara dan id-diskors, Eve Borg Bonello żvelat uħud mit-theddid li rċeviet fuq il-midja soċjali fosthom “burn this witch” (naħarqu lil din is-saħħara) u lil kull min jaħsibha bħala, jiġifieri li huma kontra l-abort.

Kumment ieħor jgħid li Eve Borg Bonello hija eżempju perfett għalfejn għandna bżonn l-abort.

Id-Deputat Nazzjonalista saħqet li fil-Parlament spjegat x’inhuma l-problemi fl-emendi proposti mill-Gvern.

Intant, il-Partit Nazzjonalista kkundanna t-theddid li sar fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello, li spiċċat fil-mira ta’ attakki fuq il-mezzi soċjali għax esprimiet ruħha fil-Parlament kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna kif irid Robert Abela u l-Gvern tiegħu.

“F’pajjiż demokratiku, mhux aċċettabbli li r-rappreżentanti tal-poplu jkunu fil-mira ta’ attakki bħal dawn sempliċiment għax esprimew ruħhom favur il-ħajja, kif anke għamlu eluf ta’ Maltin u Għawdxin fil-protesta nazzjonali tal-Ħadd li għadda u anke l-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca flimkien ma’ mijiet ta’ mediċi, professjonisti u akkademiċi li diġà tkellmu fl-aħħar jiem”.

B’risq id-demokrazija, il-Partit Nazzjonalista appella lil Robert Abela u lill-Partit Laburista biex jingħaqdu f’din il-kundanna, fost oħrajn billi jieqfu jinstikaw dawn it-tip ta’ attakki bil-mod kif qed jitkellmu l-esponenti tiegħu u anke d-Deputati tal-Gvern fil-Parlament u barra.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjetà kollha ma’ Eve Borg Bonello u ma’ dawk kollha li qed jispiċċaw fil-mira ta’ tali attakki minħabba l-ħidma tagħhom favur il-ħajja.