Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Moriyasu jgħid l-futur tal-futbol Ġappuniż hu sabiħ

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ nazzjonali tal-Ġappun Hajime Moriyasu insista li t-tim tiegħu jista’ jikseb il-kunfidenza mill-prestazzjonijiet pożittivi waqt it-Tazza tad-Dinja minkejja l-eliminazzjoni fil-fażi tal-aħħar 16.

L-Asjatiċi rebħu kemm kontra l-Ġermanja u kemm kontra Spanja fil-fażi tal-gruppi iżda sfaw eliminati mill-Kroazja bl-għoti tal-penalties. Moriyasu ċaħad li t-tim krolla taħt il-pressjoni waqt l-għoti tal-penalties għalkemm fallew tliet penalties minn erbgħa.

“Il-plejers urewna l-futur għal era ġdida għall-futbol Ġappuniż. Erbaħna kontra l-Ġermanja u erbaħna kontra Spanja. Jekk nieħdu l-kunfidenza u jekk naħsbu li nistgħu naqbżu lil dawn it-timijiet minflok inlaħħqu magħhom, il-futur hu sabiħ,” qal Moriyasu.

B’referenza għall-partita kontra l-Kroazja, Moriyasu qal li r-riżultat hu sfortunat iżda ma jħassarx l-isforzi kollha tal-plejers. Hu żied li ma setgħux ikissru l-barriera lejn post mal-aħħar tmienja iżda saħaq li l-plejers urew il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-futbol Ġappuniż.

Takuma Asano kien l-uniku plejer Ġappuniż li skorja waqt l-għoti tal-penalties kontra l-Kroazja, bit-tim ta’ Zlatko Dalic jiskorja tlieta mill-erba’ penalties. Il-Ġappun għadha qatt ma waslet sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja hekk kif kienu eliminati fl-aħħar 16 fi tlieta mill-aħħar erba’ edizzjonijiet.