Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Neymar isir it-tielet Brażiljan li skorja fi tliet edizzjonijiet

(Ritratt: EPA)

Neymar ingħaqad ma’ grupp esklussiv ta’ plejers wara li sab ix-xibka fir-rebħa tal-Brażil kontra l-Korea ta’ Isfel it-Tnejn filgħaxija. Il-plejer ta’ 30 sena rritorna fil-formazzjoni inizjali wara li tilef iż-żewġ logħbiet ta’ qabel minħabba uġigħ fl-għaksa.

Il-Brażiljan skorja t-tieni gowl għat-tim ta’ Tite minn penalty. Dan il-gowl fisser l-ewwel wieħed għalih f’din l-edizzjoni u għalhekk sar biss it-tielet plejer Brażiljan li skorja fi tliet edizzjonijiet differenti tat-Tazza tad-Dinja.

Dan it-tragward laħquh biss Pelè li skorja 12-il gowl f’14-il logħba bejn l-1958 u l-1970 u Ronaldo li skorja 15-il gowl f’19-il logħba bejn l-1998 u l-2006. Aktar minn hekk, Neymar issa jinsab biss gowl bogħod mir-rekord ta’ 77 gowl li skorja Pelè mas-Selecao.

Din il-logħba kienet speċjali wkoll għad-difensur Thiago Silva. Hu laħaq lil Cafu u Dunga hekk kif din kienet il-11-il darba f’Tazza tad-Dinja li mexxa lit-tim bħala captain. Is-Sud Amerikani qed jippreparaw għal-logħba ta’ nhar il-Ġimgħa kontra l-Kroazja, partita li tista’ twassalhom sas-semifinali.