Lokali

Protesta silenzjuża quddiem il-Parlament kontra l-abort

Barra l-bini tal-Parlament inxtegħel kollu xemgħat minn mijiet ta’ persuni li attendew velja simbolika li saret mill-għaqdiet Life Network Foundation, Doctors for Life, u I See Life. Dan hekk kif saret protesta silenzjuża kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna.

Ix-xemgħat inxtegħlu b’messaġġ dirett għall-Gvern ta’ Robert Abela biex ibiddel il-kliem tal-emenda li hemm bħalissa quddiem il-Parlament, għaliex jekk dan ma jseħħx pajjiżna jkun qed idaħħal b’mod indirett l-abort.

Ix-xemgħat inxtegħlu b’simbolu għal dawk it-trabi fil-ġuf li mhux se jkollhom iċ-ċans jgħixu jekk din il-liġi tgħaddi mill-Parlament – liġi li bħalissa tinsab fi stqadju tat-tieni qari.

Waqt id-diskors tagħha f’din il-Velja, Miriam Sciberras f’isem il-Life Network Foundation spjegat għaliex qed issir pressjoni fuq il-Gvern biex ibiddel il-pożizzjoni tiegħu. Dan wara li l-Ħadd li għadda, eluf ħonqu t-toroq tal-kapitali f’dimostrazzjoni favur il-ħajja.

Fl-aħħar ġimgħat, diversi persuni, inkluż esperti, spiżjara u tobba ħarġu kontra l-mod kif din l-emenda nkitbet… hekk kif se tkun qed iddaħħal l-abort f’pajjiżna. Iżda l-Gvern, sa issa, għadu qed jirreżisti milli jbiddel il-kliem tal-emenda.

Minn naħa tiegħu, il-PN żamm pożizzjoni kostanti kontra l-abort u favur il-ħajja – u jrid li l-liġi tibqa tħares il-ħajja tal-omm u l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.