Talanqas 160 persuna ndarbu f’ħabta bejn żewġ ferroviji li seħħet fir-reġjun ta’ Katalunja, lejn il-grigal ta’ Spanja.
Il-media lokali qalet li l-ferroviji kienu qed jivvjaġġaw fl-istess direzzjoni u li l-ħabta saret f’ħin meta waħda minnhom kienet wieqfa fi stazzjon partikulari ta’ dik ir-rotta.
Il-Pulizija Katalana, bħalissa, qed tinvestiga r-raġunijiet wara l-ħabta, waqt li l-Ministru Spanjol għat-Trasport, Raquel Sanchez sostniet li l-awtoritajiet qegħdin jevalwaw fid-dettall iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-inċident fl-istazzjon ta’ Montcada i Reixac – Manresa.
Dan wara li numru ta’ passiġġieri kellhom jittieħdu lejn iċ-ċentri mediċi taz-zona għal trattament wara li ndarbu sew fil-ħabta. Mhux mifhum li hemm xi ħadd fil-periklu li jitlef ħajtu – grazzi għall-fatt li ferrovija minnhom kienet miexja bil-mod ħafna qabel daħlet fil-ferrovija wieqfa.
Fl-aħħar snin saru diversi inċidenti simili fis-sistema reġjonali tal-ferroviji f’Katalunja, bl-uffiċjali lokali jsostnu li l-inċidenti kienu jkunu evitati li kieku l-Gvern Spanjol, li għandu s-sede f’Madrid, ‘ħaseb biex jipprovdi fondi adekwati lin-network ta’ dak ir-reġjun’.
//= $special ?>

