Lokali Qorti

Qtil b’rabta ma’ organiżazzjoni kriminali li tinvolvi l-prostituzzjoni – Żewġt aħwa iwieġbu mhux ħatja u jinżammu arrestati u ieħor jinsab l-isptar

Ionut-Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase 32 li huma aħwa minn Bucharest ġew mixlija tard l-Erbgħa filgħaxija bil-qtil ta’ Rumen ieħor f’Paceville nhar it-Tnejn fid-dawl tax-xemx. Fost sigurtà stretta tressqu tnejn mit-tliet Rumeni mixlija bil-qtil ta’ Joseff Rivas ta’ 44 sena li skont il-prosekuzzjoni dan seħħ b’rabta ma’ organiżazzzjoni kriminali li kienet tinvolvi racket sħiħ ta’ nisa fil-prostituzzjoni.

L-irġiel li ma wieġbux għal xi domandi sempliċi tal-Qorti, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Ir-Rumen l-ieħor li kien mitkellem mill-Pulizija mistenni jitressaq il-Qorti hekk kif joħroġ mill-isptar Mater Dei fejn jinsab għall-kura wara li sofra minn xi ġrieħi waqt l-aggressjoni.

Ma saritx talba għall-pleġġ mid-difiża għall-ħelsien mill-arrest iżda saret talba biex jiġu nvistati mill-espert mediku tal-Qorti għax skont id-difiża l-akkużati ġarrbu xi ġrieħi anke f’rashom. Minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li dawn il-visti diġa saru.

L-Ispettur Kurt Zahra wieġed mill-prosekuturi fil-każ qal li l-akkużati ġew arrestati għax nhar it-Tnejn – 5 ta’ Diċembru fit-3.20pm, kienu nfurmati fi Triq Ross ġewwa Paceville wara ġlieda, persuna qalgħet daqqiet ta’ sikkina. Sa l-ewwel telefonata l-vittma kien għadu ħaj u x-xhud qal li marru fuq il-post u ftit tal-ħin wara dan il-persuna kien miet.

Zahra qal li bdew mill-ewwel l-investigazzjonijiet u raw numru filmati tas-CCTV u kellmu numru ta’ persuni. Din il-ġlieda li qajjment diżgwid sħih bejn żewġ gruppi seħħet fuq attività kriminali fuq prostituzzjoni fejn ġew identifkakti wkoll xi nies.

Tenna li skoprew li kien hemm xi tfajliet li biex jiftehmu biex jitilqu mill-pajjiż u kien hemm preparazzjoni sħiħa biex ifittxu jitilqu. Zahra qal ukoll li ġiet arrestata persuna li kienet tagħmel parti mill-investigazzjonijiet, Hekk kif skattaw l-investigazzjonijiet u għall-ħabta tal-5.30am tat-Tlieta, l-akkużati marru minn jeddhom l-Għassa ta’ San Ġiljhan fejn qalu li meta raw dak kollu li kien għaddej ma kellhomx triq minn oħra ħlief li jagħtu ruħhom b’idejhom.

Sa dak il-ħin kienu wkoll għaddejjin il-messaġġi biex dawn it-tfajliet mdaħħal fil-prostituzzjoni jitilqu mill-pajjiż. Ix-xhud qal li sadanittant kompliet l-investigazzjoni fuq CCTV’s u fl-istqarrijiet tagħhom huma ammettew l-involviment tagħhom.

Mill-investigazzjoni rriżulta li it-tliet Rumeni, ż-żewġ akkużati u l-ieħor li jinsab l-isptar kienu qegħdin ħdejn ħanut partikolari, u ħdejhom marru tnejn minn nies u dan waqt li kienu qed jieħdu kafe. Wara ftit sekondi ta’ konverzazzjonijiet, li kienet ma’ dawn iż-żewġ persuni inqala’ l-inkwiet kontra t-tlieta. Wieħed mit-tnejn kien il-vittma. Dawn iż-żewġ persuni huma wkoll konnessi ma’ attività kriminali.

L-Avukati Franco Debono, Jacob Magri, Arthur Azzopardi u Charmaine Cherrett deheru għall-akkużati filwaqt li l-Avukati Darlene Grima u Kylie Bonnet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Kurt Zahra, Daniel Xuereb mexxew il-prosekuzjoni. Preżenti fl-awla kien hemm ukoll il-kap tat-Taqsima tal-Omiċidji s-Supretendent Keith Arnaud.

Tnejn mit-tliet Rumani baqgħu jiġu nterrogati fid-depot matul il-jum kollu tal-Erbgħa fejn jidher li l-pulizija Maltija kienet f’kuntatt mal-kontropartijiet tagħhom fir-Renju Unit u r-Rumanija dwar il-vittma u l-konnessjonijiet tiegħu marbuta mal-kriminalità. Ir-Rumen l-ieħor baqa’ miżmum l-isptar fost sigurta stretta.

Rivas, li għandu ċittadinanza kemm Rumena kif ukoll dik Ingliża, nqatel nhar it-Tnejn għall-ħabta tat-3.30pm. wara li ngħata daqqiet ta’ sikkina’” fi Triq Ross ġewwa Paceville. Huwa miet ftit wara fl-Isptar Mater Dei. Il-vittma kien xellef difru mal-ġustizzja Ingliża u Rumena diversi drabi u huwa mifhum li kien involt f’żewġ omiċidji.

Għal xi snin kien imfittex mill-Interpol u nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba omiċidju fir-Renju Unit. Fir-Rumanija huwa skonta sentenza ta’ ħabs wara li ġie fl-idejn ma’ kollega tiegħu u qatlu filwaqt li aktar riċenti kien involut f’serqa li matulha l-vittmi sfaw ittorturati.

Il-pulizija qalet li jidher li Rivas kiellu xi jgħid ma’ grupp ta’ rġiel li ħarbu minn fuq il-post wara li aggredewh. Fi stqarrija t-Tlieta filgħodu, il-pulizija qalet li tliet irġiel Rumeni ta’ 31, 32 u 35 sena kienu arrestati b’rabta mal-qtil. Skont rapporti tal-midja Rumena, Rivas, kien marbut ma’ serq bl-armi, attentat ta’ qtil, u kien jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata matul l-aħħar għoxrin sena.

Fl-2015 kien fost grupp ta’ rġiel arrestati fir-Rumanija. Huwa kien issuspettat, flimkien ma’ tlieta oħra, li daħal f’dar tal-familja, u b’arma tan-nar, seraq madwar €100,000. Huwa kien rappurtat li fil-passat kien is-suġġett ta’ mandati ta’ arrest internazzjonali, madankollu, sorsi f’Malta kkonfermaw li ma kien suġġett ta’ ebda mandat ta’ arrest fil-ħin tal-qtil tiegħu f’Malta. Il-Maġistrat Charmaine Galea qed tmexxi inkjesta dwar il-każ tal-qtil.