Lokali

Żewġ sewwieqa ta’ mutur bi ġrieħi gravi f’inċidenti separati

Raġel ta’ 59 sena mill-Qrendi u ieħor ta’ 54 sena residenti San Pawl il-Baħar kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’żewġt inċidenti tat-traffiku separati…f’Santa Venera u fil-Mosta.

L-ewwel każ seħħ għall-erbgħa u nofs tat-Tlieta waranofsinhar fi Triq Reġjonali f’Santa Venera meta r-raġel ta’ 59 sena għal xi raġuni kien involut f’ħabta bil-mutur ma’ vettura misjuqa minn mara ta’ 33 sena minn Marsaxlokk.

Dan filwaqt li aktar tard, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija fi Triq il-Missjunarji Maltin, fil-Mosta meta raġel ta’ 54 sena li kien qed isuq mutur kien involut f’ħabta ma’ vettura misjuqa minn żagħżugħa ta’ 25 sena mill-Belt Valletta.

Iż-żewġt irġiel ingħataw l-għajnuna minn tim mediku fil-post u ttieħdu l-isptar fejn aktar tard huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet meħtieġa.