Lokali

Tibda l-maratona ġbir ta’ fondi fuq Net TV

F’nofsinhar fuq Net TV bdiet il-maratona ġbir ta’ fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista; maratona li hija sinonima max-xahar ta’ Diċembru u li ssir kull sena sabiex jissaħħaħ l-operat kemm tal-PN kif ukoll tal-media tiegħu.

L-inizjattiva ġbir ta’ fondi, f’dan il-jum ta’ festa, bdiet iktar kmieni fuq ir-radju permezz tax-xandiriet speċjali ta’ Net FM mill-foyer tad-Dar Ċentrali tal-PN.

Fil-ftuħ tal-maratona tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fejn appella lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali u jipparteċipaw f’din il-maratona ġbir ta’ fondi. Dan hekk kif permezz tad-donazzjonijiet tan-nies, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu. Preżenti kien hemm ukoll it-teżorier tal-Partit Nazzjonalista Mario Ellul.

Il-maratona tibqa’ għadejja sal-11pm, b’bosta attivitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin.

Kull min ma jistax jattendi għal l-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista u jixtieq jgħin, jista’ jagħmel dan billi jċempel jew jibgħat SMS, kif ukoll b’donazzjoni online fis-sit elettroniku pn.org.mt/donazzjoni.

Għad-donazzjonijiet wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lil xi membru tal-Kumitat Sezzjonali tal-lokalità tiegħu.