Lokali

€161,408 hija s-somma miġbura waqt il-maratona b’risq il-Partit Nazzjonalista

€161,408 hija is-somma miġbura fil-maratona organizzata mill-Partit Nazzjonalista tul il-jum tal-Ħamis. Dan ifisser li b’kollox inġabret is-somma ta’ €1,916,958 matul is-sena 2022 b’risq il-PN.

Dan tħabbar waqt il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista li matulha, eluf ta’ Maltin u Għawdxin taw l-appoġġ finanzjarju tagħhom biex pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba u biex il-ħidma tkun tista’ ssir bl-aħjar mod possibbli.

F’intervista li kellu maż-żgħażagħ matul l-maratona, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista qed jiddefendi l-ħajja tal-omm u dik tat-tarbija. Dan fid-dawl tal-emenda li jrid idaħħal Robert Abela li se twitti t-triq għall-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna.

Huwa qal li l-Gvern ma jridx isib soluzzjoni f’dan ir-rigward. Fejn saħaq li wara li sab reżistenza kbira, issa Robert Abela qed jitkellem fuq tibdil f’din l-emenda għax hemm min ukoll fil-Grupp Parlamentari Laburista ma jridx li tiddaħħal din l-emedna fil-liġi.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem b’vuċi waħda f’pożizzjoni favur il-ħajja fil-ġuf. 

Huwa għamel referenza wkoll għal dawk iż-żgħażagħ li sfortunatament għandhom nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi.

Aktar kmieni tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalita Alex Perici Calasione fejn għamel referenza għall-emenda fil-liġi li jrid idaħħal il-Gvern ta’ Robert Abela li se twasal biex jidħol l-abort f’pajjiżna. Huwa qal li f’dan il-mument il-pajjiż qed jitlob mingħand il-poplu li jissaħħaħ u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista lest li jibqa’ jwassal il-messaġġ tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Fil-ftuħ tal-Maratona is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino saħaq li l-ħidma qed tissokta f’diversi strutturi tal-Partit Nazzjonalista sabiex inħarsu ‘l quddiem lejn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Intant tul il-maratona tkellmu wkoll AnneMarie Grech il-mara tal-Kap tal-PN, Maryanne Perici Calascione il-mara tal-Viċi Kap tal-PN kif ukoll il-professur Maryanne Lauri President riċerka politika.