Rowen Camilleri
HIBERNIANS…………0 (5)
FLORIANA…………….0 (4)
Hibernians: I. Kone, F.Apap, K. Shaw, G. Llerena (R. Soares 95’), T. Aldama, J. Grech, J. Degabriele, B. Kristensen (D. Vella 105’), Z. Grech (O. Muritala 68’), G. Artilles (J. Zerafa 68’), A. Diakite
Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend, C. Rutjens, O. El Hasni, M. Veselji (C. Z. Lonardelli 84’), U. Arias (K. Reid 84’), F. Juarez, L. De Grazia (A. Ciolacu 91’), E. Callegari, J. Busuttil, A. Garzia
Imwissija: B. Kristensen 19’, I. Kone 55’, G. Llerena 45’, O. Muritala 90+2’(H), A. M. Overend 44’, M. Veselji 67’, C. Rutjens 90+2’ (F)
Skorjaw: Penalties: Hibernians: K. Shaw, O. Muritala, J. Grech, J. Degabriele, I. Kone Floriana: Jan Busuttil, Andrei Ciolacu, Kemar Reid, Christian Rutjens
Referee: Ishameal Barbara
Assistenti Referees: Roberto Vella u Paul Apap
Plejer tal-logħba: Jan Busuttil(Floriana)
Hibernians rebħu r-raba’ Super Cup fl-istorja tal-klabb meta fil-Gozo Stadium għelbu lil Floriana bl-għoti tal-penalties wara li l-iskor baqa’ ma nfetaħx wara 120 minuta. Protagonist fl-għoti tal-penalties bla dubju kien il-goalkeeper ta’ Hibernians Ibrahim Kone li laqa’ l-ħames penalty ta’ Floriana filwaqt li skorja dak deċiżiv li ta r-rebħa lil Pawlisti.
Din kienet l-ewwel logħba minn tnejn f’temp ta’ erbat ijiem bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif nhar it-Tnejn jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin f’partita valida mill-Kampjonat BOV Premier.
Wara żewġ minuti Jan Busuttil seraq ballun minn tliet kwarti tal-grawnd u avvanza bih fil-kaxxa iżda l-kross insidjuż tiegħu ma sab lil ħadd u l-azzjoni sfaxxat. Fit-8 minuta Jake Grech mix-xellug javvanza u minn tarf il-kaxxa jipprova konklużjoni li tgħaddi ftit barra.
Mal-kwarta logħob l-aktar ċans perikoluż sa dak il-ħin jasal mill-Furjaniżi meta l-ewwel kien tentattiv minn barra ta’ Veselji, b’Kone jilqa’ iżda ma jaħtafx u mir-rebound ikun Arias bix-xutt iżda Kone reġa’ kien stupend li għal darb’oħra laqa’ tajjeb u ċaħħad lil Floriana milli jmorru fil-vantaġġ. Fit-23 minuta azzjoni personali ta’ Jan Busuttil li evita difensur u daħal fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu mar ferm għoli.
Fit-43 minuta Hibernians bl-ewwel xutt fil-lasta fejn kien Ali Diakite li minn barra l-kaxxa mpenja lil Kitanov li kellu jtajjar b’diffikultà qabel mal-azzjoni twaqqfet għal offside. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr goals.
Floriana kienu bla dubju l-aħjar tim fl-ewwel kwart tat-tieni taqsima u fis-70 minuta azzjoni perikoluża mill-Greens mibdija minn Mattia Veselji li għadda bit-takkuna lejn Jan Busuttil li minn qagħda angolata prova konklużjoni lejn il-lasta iżda sab lil Kone attent li laqa’ parzjalment qabel mad-difiża tajret il-periklu.
Floriana baqgħu jinsistu u fit-78 minuta minn pass ta’ De Grazia kien Mattia Veslji li prova jaħsad lil Kone b’xutt mill-ewwel iżda l-goalkeeper mill-Guinea reġa’ kien attent li laqa’ tajjeb. Bil-Furjaniżi jibqgħu kemxejn aħjar mill-avversarji, l-iskor xorta waħda baqa’ ma nbidilx sad-90 minuta u għalhekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Mal-ewwel minuta tal-ħin barrani, ċans tad-deheb għall-Floriana meta s-sostitut Kemar Reid approfitta minn inċertezza fid-difiża u sab ruħu quddiem Kone iżda x-xutt tal-Ġamajkan kien imdawwar f’korner mill-goalkeeper Pawlist.
Hibernians irrispondew fis-96 minuta minn free kick ta’ Jurgen Degabriele li dendel ballun fil-kaxxa, iżda minn pożizzjoni tajba Kurt Shaw bir-ras żbalja l-mira u tefa’ barra. L-iskor jibqa’ ma jinfetaħx sa tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani. L-istess ġara fit-tieni taqsima biż-żewġ difiżi jkunu attenti li ħadd ma jaqla’ l-gowl fatali, u wara 120 minuta logħob l-iskor baqa’ ma nfetaħx u l-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties.
Bl-għoti tal-penalties kienu Hibernians li ħarġu rebbieħa wara li skorjaw il-ħames penalties tagħhom mogħtija minn Kurt Shaw, Owalabi Muritala, Jake Grech, Jurgen Degabriele u l-aħħar wieħed mill-goalkeeper Ibrahim Kone.
Minn naħa tagħhom Floriana skorjaw permezz ta’ Jan Busuttil, Andrei Ciolacu, Kemar Reid, u Christian Rutjens iżda falla l-penalty fatali Oualid El Hasni li ra lil Kone jimmarkalu x-xutt u jilqgħalu tajjeb.
Fi tmiem il-partita l-captain ta’ Hibernians Bjorn Kristensen kien ippreżentat bit-trofew tas-Super Cup fost il-ferħ tal-iskwadra Pawlista u s-supporters preżenti fil-Gozo Stadium.
//= $special ?>