Internazzjonali

Il-Peru: Pedro Castillo… Minn President għal akkużat

Pedro Castillo, fl-aħħar sigħat, tneħħa minn President tal-Peru u qed jinżamm taħt arrest mill-pulizija fost akkużi li hu ipprova jmexxi rewwixta fl-assemblea leġislattiva.

L-aħħar sigħat kienu tassew drammatiċi għal Castillo wara li ħabbar li kien qed ixolji lill-Kungress ta’ Lima li hu kontrollat mill-Oppożizzjoni u waqt li hu kien qed jistenna vot għal impeachment.

Intant, il-Kungress sfida lill-eks President u vvota biex hu jitwarrab mill-poter – u bil-gwardjani personali ta’ Castillo iżommuh milli jfittex ir-refuġju f’xi ambaxxata.

Il-Peru issa qed jitmexxa mill-eks Viċi-President Dina Boluarte, li hi wkoll l-ewwel President mara fl-istorja tal-pajjiż. Boluarte qalet li għandha tiggverna lill-Peru sa’ Lulju tal-2026 u li hu ż-żmien meta suppost li kellu jiskadi l-mandat ta’ Castillo.