Il-protesti li ilhom għaddejjin il-ġimgħat kontra r-reġim Iżlamiku tal-Ayatollah Ali Khamenei issa qegħdin jinkludu element ġdid ta’ brutalità, bl-ewwel esekuzzjoni ta’ dimostrant li ħallas b’ħajtu għall-allegat aġir tiegħu waqt l-aħħar dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern.
L-akkużat, Mohsen Shekari, ingħata l-forka wara li Qorti Rivoluzzjonarja sabitu ħati dwar ‘aġir ostili li kien qed jiddisrispetta lil Alla’. Minbarra dan, Shekari kien akkużat bħala ‘protagonista fl-inkwiet fit-toroq ta’ Tehran’, b’akkuża oħra tinvolvi l-feriment ta’ membru tal-qawwiet paramilitari tal-Iran.
Intant, kollox qed jindika li Shekari kien attivist favur il-libertà li spiċċa suġġett għal proċess tal-qorti finta u li fih ma kenux ikkalkulati d-drittijiet tiegħu bħala imputat. L-akkużat kien appella kontra l-verdett finali iżda l-appell ma kienx milqugħ mill-Qorti Suprema tal-Iran, li, fl-aħħar ta’ Novembru, iddikjarat li l-esekuzzjoni kellha ssir skont il-kriterji tad-direttiva oriġinali.
Jerġa’ aktar allarmanti hi l-istqarrija tal-grupp Iran Human Rights, ibbażat fin-Norveġja, li l-esekuzzjonijiet tad-dimostranti għandhom jibdew isiru kuljum fl-Iran. Il-grupp qed jappella wkoll biex l-awtoritajiet Iranjani jiffaċċjaw ‘il-konsegwenzi prattiċi fuq livell internazzjonali mingħajr aktar telf ta’ żmien’.
Dan meta l-Ġudikatura fl-Iran ħabbret li, għalissa, il-qrati rivoluzzjonarji kkundannaw lil għaxar persuni oħra għall-mewt b’konnessjoni mal-protesti kontra l-establishment Iżlamiku fil-pajjiż….Protesti li ilhom għaddejjin minn Settembru wara li mara żgħażugħa, Mahsa Amini, tilfet ħajjitha wara li spiċċat arrestata mill-pulizija talli ma kenitx liebsa l-hijab ( xalla tar-ras) skont il-kriterji tal-Islam.
Il-protesti, minn dakinar, infirxu għal 160 belt tal-Iran u qed jitqiesu bħala l-akbar theddida għar-Repubblika Iżlamika mir-Rivoluzzjoni Storika tal-1979.
Il-Mexxejja f’Tehran qed jippruvaw ipittru l-protesti bħala ‘irvellijiet immexxija mill-pajjiżi barranin meqjusa bħala għedewwa tal-Iran’ u qegħdin jordnaw lill-qawwiet tas-sigurtà Iranjani biex jaddottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkontrollawhom.
Min-naħa tiegħu, il-grupp Amnesty International qal li s-sentenzi tal-mewt li qed jingħataw fl-Iran huma intiżi bħala arma ta’ ripressjoni fil-konfront ta’ poplu, flimkien ma’ miżura ta’ intimidazzjoni li qed turi wkoll id-disprament ta’ Khamenei u l-kollegi tiegħu fil-Gvern.
.
//= $special ?>

