L-Istati Uniti qed tiċħad li, xi darba, ‘inkoraġġiet jew ippermettiet’ lill-militar tal-Ukrajna biex jolqot il-miri speċifiċi fl-artijiet tar-Russja. Iċ-ċaħda kategorika ngħatat mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken, wara li l-Kremlin ta’ Moska akkuża lill-Gvern Ukren dwar attakki bid-drones fuq il-mitjar fir-Russja – bi tnejn minn dawn il-mitjar jinsabu l-mijiet tal-mili ‘il bogħod mill-Ukrajna.
Il-messaġġ minn Moska anki qed jindika suspett fl-Istati Uniti bħala ‘kompliċi’ tal-Ukreni. Dan ukoll meta l-President Russu Vladimir Putin wissa kemm-il darba lill-Istati Uniti u l-alleati tagħha biex ‘ma jaqbżux il-linja l-ħamra’ b’li jipprovdu lill-Ukreni bl-armamenti għal fuq id-distanzi kbar.
L-Ukrajna ma qalet xejn dwar l-aħħar attakki bid-drones kontra r-Russja, waqt li l-Alleanza tan-NATO, li hi mmexxija mill-Istati Uniti, sostniet li mhix qed tagħti l-armamenti li jwasslu fuq distanzi kbar lill-Ukreni.
Dan fost tħassib u inkwiet dwar il-possibbiltà ta’ eskalazzjoni kbira tas-‘sitwazzjoni’ bejn in-NATO u r-Russja, li hi waħda mill-potenzi nukleari ewlenin fid-dinja.
Il-mitjar tar-Russi li ntlaqtu mid-drones (u fost l-isplużjonijiet) jinsabu fir-reġjuni ta’ Ryazan u Saratov. F’dawn is-siti hemm diversi bombers għall-missjonijiet strateġiċi u li qed jintużaw għall-attakki kontinwi (bil-missili) fuq l-infrastruttura għall-enerġija fl-Ukrajna.
Sadanittant, ir-Russja hi anki urtata dwar attakk ieħor bid-drones li din id-darba konċentra fuq ir-reġjun ta’ Kursk li qed imiss mal-Ukrajna. Dan waqt li Moska qed tinsisti li ‘hemm limitu għat-tolleranza’ f’dawn iċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>

