Il-kowċ tat-tim nazzjonali Olandiż tkellem dwar il-kritika li rċieva mingħand Angel Di Maria.
Di Maria ingħaqad ma’ Manchester United fil-bidu tal-istaġun 2014 taħt it-tmexxija ta’ Louis Van Gaal, fejn kull ma lagħab kien 24 darba u sab ix-xibka biss tlett darbiet. L-attakkant Arġentin ma rnexxielux isib saqajh f’ Old Trafford u b’hekk telaq wara staġun wieħed biss, fejn ingħaqad ma’ Paris Saint-Germain għas-somma globali ta’ 60 miljun ewro.
Il-winger ta’ Juventus ikkritika ħafna lill-ex kowċ tiegħu ftit jiem qabel il-partita tal-kwarti finali t’għada fejn stqarr li Van Gaal huwa l-agħar kowċ li qatt lagħab taħtu.
Van Gaal ideċieda li jagħti l-opinjoni tiegħu fuq din il-kritika waqt konferenza li saret ilbieraħ flimkien ma’ Memphis Depay, li ukoll kien jilgħab taħt it-tmexxija ta’ Van Gaal mar-Red Devils. Huwa stqarr li jinsab diżappuntat b’dawn il-kummenti kif ukoll żied li Di Maria huwa każ rari ta’ plejer li jista’ jgħid hekk fuqu. Van Gaal qabbel ukoll il-każ ta’ Di Maria mal-każ ta’ Depay li ukoll kellu esperjenza negattiva f’Old Trafford.
Van Gaal kompla jsostni li Di Maria kien vittma ta’ serqa fid-dar tiegħu, li apparentement kellha effett fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-plejer.
//= $special ?>