Raġel ta’ 34 sena residenti M’Scala kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kien involut f’inċident li fih seħħet ħabta bejn erba’ karozzi.
L-inċident seħħ il-Ħamis filgħodu għall-ħabta tal-ħamsa fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li vettura baqgħet dieħla f’numru ta’ karozzi li kienu qed jistennew mar-roundabout.
Toyota Hilux li kien misjuq minn raġel ta’ 40 sena mill-Mosta ken qed iġorr żiemel bil-karru, meta mal-ħin tal-impatt, iż-żiemel ħarab minn fuq il-post tal-inċident iżda nstab ftit tal-ħin wara. Hekk kif instab huwa ttieħed għand veterinarju iżda jidher li ma sofra ebda ġrieħi.
Fl-impatt kienu involuti tliet karozzi oħra: Ford Kuga misjuqa minn raġel ta’ 33 sena mill-Imsida, Ford Transit misjuq minn raġel ta’ 50 sena residenti l-Mosta u Audi A4 misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn M’Scala. Dan tal-aħħar kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura iżda jidher li ma sofriex ġrieħi serji.
Fuq il-post issejħu Pulizija, tim mediku kif ukoll membri tal-protezzjoni ċivili sabiex inaddfu t-triq minn żejt li ħareġ mill-karozza meta seħħ l-impatt.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>