Internazzjonali

Repubblika tal-Kongo: Żvelat massakru ta’ għexieren ta’ ċivili

Investigazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti sabet li ‘il fuq minn 130 ċivili kienu sfaw massakrati mir-ribelli tal-grupp M23 fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Ir-rapport tan-NU tenna li l-massakru ta’ Novembru kellu jseħħ fil-villaġġi ta’ Kishishe u Bambo li jinsabu fid-distrett ta’ Rutsuhuru li jifforma parti mill-provinċja ta’ Kivu. Fl-istess ħin, l-investigaturi qalu li l-attakk deher li seħħ bi tpattija għal offensiva mit-truppi tal-Gvern fuq ir-ribelli, iżda kelliema għall-grupp M23 qegħdin jiċħdu responsabbiltà fil-massakru.

Madankollu,  l-missjoni Monusco tan-NUgħaż-żamma tal-paċi li hi bażata fir-Repubblika tal-Kongo, qalet li għexieren ta’ ċivili, fosthom tfal, spiċċaw maqtula ‘kiesaħ u biered’ mir-ribelli li riedu ‘iwasslu messaġġ terribbli lill-poplu tad-distrett partikulari’.

Ir-rapport kompla li r-ribelli anki stupraw numru ta’ nisa u bniet qabel qatluhom – bir-reati jinkwdraw f’kampanja ta’ vjolenza mir-ribelli ddominata mill-omiċidji, stupri, ħtif ta’ persuni u serq ta’ proprjetà. Il-ġellieda tal-M23,imbagħad, kienu difnu lill-katavri tal-vittmi bil-ħsieb li jaħbu l-provi tal-massakru.