Dalgħodu, iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia ngħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Preca fis-Swatar fejn spikkaw l-ilbies kollha kuluri.
Kienet xewqa tal-familja tiegħu li dawk kollha li jattendu l-funeral, ma jilbsux iswed iżda jilbsu lbies bil-kulur. Dan peress li Jean Paul kien żagħżugħ li kien iħobb il-ħajja.
Fl-omelija tiegħu, il-Kappillan Dun Robert Grech tkellem dwar kemm Jean Paul kellu qalb tad-deheb, li kien iħobb lil kulħadd… ġuvni li kulħadd kien jieħu gost fil-kumpanija tiegħu. Turija ta’ dan kienet il-preżenza ta’ numru kbir ta’ ħbieb ta’ Jean Paul li attendew għall-funeral tiegħu.
Jean Paul li kellu għoxrin sena tilef ħajtu s-Sibt li għadda wara li nqabad taht it-tifrik tal-binja li ġġarfet f’Kordin. Il-katavru tiegħu nħareġ mill-ħadddiema tal-Protezzjoni Ċivili kmieni l-Ħadd filgħodu wara ħidma ta’ salvataġġ illi damet ‘il fuq minn 15-il siegħa.
JeanPaul kien ilu biss seba’ minuti fuq ġewwa tas-sit ta’ kostruzzjoni meta wasal biex jgħaddi xi għodda lill-ħadiema. U kien propju f’dan il-mument meta l-bini ġġarraf f’temp ta’ żewġ sekondi. Biż-żagħżugħ jinqabad taħt tliet sulari ta’ terrapin u materjal ta’ kostruzzjoni.
//= $special ?>