Lokali

ABORT: Owen Bonnici jfarfarha fuq it-tobba wkoll

F’artiklu ta’ 1,605 kelmiet, it-tarbija fil-ġuf ma tissemma qatt – kważi mingħajr ebda rabta emozzjonali. U jirreferi biss għat-tarbija fil-ġuf bħala fetu; tliet darbiet!

Dan huwa artiklu mill-pinna tal-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, intitolat “Deċiżjonijiet”… pubblikat fil-ġurnal The Malta Independent, fejn b’mod ċar il-Ministru qed jiddefendi l-emenda li ressaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Bl-aktar mod ironiku, l-istess Ministru li sa ftit tal-ġimgħat ilu m’għamilx rapport lill-Pulizija meta sar jaf li tfajla kienet ilha tiġi ffastidjata sesswalment fuq ix-xogħol 3 snin sħaħ, l-istess Ministru li meta kien responsabbli mill-Ministeru għall-Ġustizzja ma riedx li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia titfakkar quddiem il-binja tal-Qorti, l-istess membru tal-Kabinett li ma lissinx kelma li hi kelma ta’ kundanna wara li Deputata Nazzjonalista żagħżugħa rċeviet theddid fuq ħajjitha għax hija kontra l-abort……issa qiegħed jgħid li jrid iġib l-interessi tal-mara l-ewwel.

Owen Bonnici, fl-artiklu, irrakkonta 3 sitwazzjonijiet li seħħew barra minn Malta, għax ma jaf b’ebda każ li seħħ f’pajjiżna fejn mara tqila kellha problemi ta’ saħħa li wasslu għal mewt. 

Il-Ministru Bonnici stqarr li d-decizjoni dwar it-terminazzjoni tat-tqala se tkun decizjoni tat-tobba u n-nisa. Fl-aħħar jiem, anke il-Ministru Michael Falzon farfarha fuq il-professjonisti mediċi fejn saħaq li jekk jidħol l-abort idaħħluh il-professjonisti u mhux il-Gvern.

Intant, l-eks Deputat Mexxej tal-Labour, Joe Brincat kiteb fuq il-midja soċjali illi jgħid x’jgħid kulħadd, il-Gvern Laburista qed idaħħal l-abort…u li inutli jinħeba wara l-parir tal-Avukat tal-Istat. Brincat sostna li l-liġi kif ġejja dwar l-abort hija aktar laxka minn dawk ta’ pajjiżi oħra…u dan minħabba l-kliem vag li hemm fl-emenda.

Dan filwaqt li għamel diversi domandi…fosthom “Sa kemm tista’ tigi mwaqqfa t-tqala?  Tista’ tibqa’ sa kemm-il xahar?  L-Avukat Joe Brincat sahaq li l-emenda hija siekta,  u dan ifisser li hija bla limitu.