Wara Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-5 ta’ Diċembru, il-Perit Andre Pizzuto reġa’ ġie elett bħala president tal-Kamra tal-Periti b’mod unanimu mill-Kunsill wara li ġab il-kunsens ta’ 95% tal-AGM.
Il-Perit Matias Camilleri de Marco ġie elett bħala Viċi President u Segretarju Onorarju, filwaqt illi l-Perit Ivynne Grixti ġie elett bħala Teżorier Onorarju.
Fl-indirizz tiegħu, Pizzuto qal li “Forzi oskuri ta’ reżistenza fixklu l-progress li l-industrija u lprofessjoni tant teħtieġ. Din ir-reżistenza hija frott il-biżgħa, l-inkompetenza, egoiżmnu, regħba, spekulazzjoni, u injoranza.”
“Ir-riżultat ta’ din ir-reżistenza, kif rajna għal wisq drabi din is-sena, hija l-mewt. Kwalità talħajja fost l-iktar baxxi fid-dinja industrijalizzata. Ambjent mibni mifni bl-individwaliżmu u lprofitt. Ġenerazzjonijiet żgħażugħa li ma jistgħux jistennew biex jitilqu minn pajjiżna.
Sfruttament tal-ħaddiema barranin. Konġestjoni tat-traffiku, għargħar, tniġġiż u storbju eċċessiv, ġenerazzjoni tal-iskart eċċessiv. Professjoni li ġiet umiljata u mxejna.”
Pizzuto kompla illi jkun inġust, pero’, li wieħed jgħid li ma sar xejn f’dawn l-aħħar sentejn. Huwa semma’ l-approvazzjoni tal-Att dwar il-Periti u l-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, li minkejja li tardivi, huma avvenimenti kritiċi li “ser jirridefinixxu l-professjoni tagħna u l-industrija għas-snin li ġejjin.”
Fid-diskors tiegħu, huwa ħabbar illi l-mozzjoni b’saħħitha li kienet approvata fl-EGM ta’ Mejju li għadda li kienet tat-terminu lill-Gvern sabiex iġib fis-seħħ reġim ta’ liċenzjar tal-kuntratturi sa Ottubru ġabet ir-riżultat mixtieq. Fil-fatt, lejn l-aħħar t’Ottubru l-Ministru Zrinzo Azzopardi kien ippreżenta l-kunċetti wara r-regolamenti li kienu qed jitfasslu, liema kunċetti sabu l-kunsens sħiħ tal-Kunsill. Huwa ħabbar ukoll illi ftit qabel l-AGM, il-Kunsill saħansitra rċieva l-abbozz tarregolamenti. Pizzuto faħħar l-impenn li qed juri l-Ministru Zrinzo Azzopardi sabiex iwettaq riformi fl-industrija b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kamra.
Pizzuto spjega ukoll kif huwa pprioratizza l-kondotta professjonali fuq l-agenda tal-Kunsill matul l-ewwel sentejn tiegħu fil-kariga. Huwa ħabbar illi fl-2021, il-Kunsill għalaq 29 investigazzjoni u 3 proċeduri dixxiplinari, filwaqt illi fl-2022 ingħalqet 15-il investigazzjoni u 17-il proċedura dixxiplinari. Fl-aġenda tal-Kunsill hemm preżentement 7 investigazzjonijiet, 5 proċeduri dixxiplinarji, u 9 appelli quddiem il-Qorti tal-Appell.
Fir-rigward tal-istat tal-kwalità tal-arkitettura, Pizzuto spjega illi qed isiru preparamenti sabiex jiġi mħejji Qafas tal-Arkitettura li jistabilixxi proċessi u kriterji sabiex tiġi assigurata l-kwalità fiddiżinn, ibbażati fuq il-UN Sustainability Goals, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi u lImpjiegi. Fit-tieni fażi, il-Kamra u l-Ministru Clyde Caruana qablu li jitwaqqfu Design Review Panels sabiex titjieb b’mod sostanzjali ir-reviżjoni kritika ta’ proġetti t’arkitettura sabiex jitjieb lambjent mibni.
Pizzuto kkonkluda billi qal illi “fadal ħafna xogħol xi jsir sabiex tiġi modernizzata l-industrija biex nilħqu l-istandards kwalitattivi li mdorrijin bihom fl-Ewropa.” Huwa awgura li l-Kunsill li jmiss ikun jista’ jerġa jissokta bl-organizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia sabiex il-professjoni tkun tista’ tirrikonoxxi dawk il-periti li, kontra kull mewġ, jirnexxilhom jipproduċi bini sabiħ u mibni tajjeb għall-futur.
Il-lista kompleta tal-membri tal-Kunsill eletti hija:
Perit Andre Pizzuto, President
Perit Matias Camilleri de Marco, Viċi President u Segretarju Onorarju
Perit Ivynne Grixit, Teżorier Onorarju
Perit Damian Vella Lenicker
Perit Duncan Muscat
Perti Nicholas Mallia
Perit Philip Farrugia
Perit Dr Rebecca Dalli Gonzi
Perit Sebastian Grima
Perit Toni Bezzina MP
//= $special ?>