Basketball Sport

BOV Knock Out – Irġiel: Bupa Luxol u Mellieħa Libertas fis-semi finali

Colin Schembri

Gżira Athleta………76

BUPA Luxol…………80

(12-24)(16-30)(12-14)(36-12)

F’din l-ewwel kwarti tal-finali tal-BOV Knock-out, għal ftit m’assistejniex għal waħda mill-akbar rimonti hekk kif hekk kif Luxol raw vantaġġ ta’ 30 punt fil-ftuħ tal-aħħar taqsima jinżel sa’ 4 punti u li kien għad fadal aktar ħin kollox seta’ jiġri. Wieħed ukoll jistaqsi għalfejn Athleta m’urewx l-istess logħob fi tlett sessjonijiet ta’ qabel. Però finalment Luxol ħadu nifs qawwi biex issa jiltaqgħu kontra Starlites FIJO fl-ewwel semi-finali tal-Ħadd li ġej. Kienu Luxol li fetħu l-aħjar hekk kif wara basket fuq kull naħa, għamlu run ta’ 15-4 li bdewha bi trippla tal-Amerikan Trevian Bell u komplew bil-punti ta’ Nikola Vasovic u Tayler Mattos. Athleta wieġbu b’basket ta’ Isaac Xuereb u Roland Griffen però Bell għamel trippla oħra u temmew l-ewwel sessjoni b’vantaġġ doppju 24-12. Fit-tieni taqsima, wara punti konsekuttivi minn Griffen għall-Athleta, Luxol komplew b’run oħra ta’ 12-2 bi trippli minn Vasovic u Matthew Sciberras. Athleta rrispondew bil-punti ta’ Nathan Xuereb u Griffen però kienu ftit wisq hekk kif Luxol reġgħu għamlu run ta’ 15-2 b’aktar three pointers minn Vasovic u Bell u daħlu jistrieħu 54-28 minn fuq.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess għalkemm il-punti naqsu però Luxol irrispondew għal kull punt tal-Athleta biex żammew il-vantaġġ ta’ 28 punt. Lejn tmiem il-perjodu kellhom żewġ trippli minn Vasovic għal skor ta’ 68-40. Fl-aħħar taqsima, wara li punti ta’ Sciberras u Bell raw lil Luxol jiftħu vantaġġ massimu ta’ 30 punt. 72-42 il-partita nbidlet kompletament. Athleta sabu ħajja ġdida fl-attakk u Luxol kellhom it-turnovers u okkażżjonijiet mitlufa. Athleta kellhom run ta’ 21-4 b’żewġ three pointers kull wieħed minn Naz Buhagiar u Billy Zammit. Wara basket ta’ Bell, Athleta komplew bi 8 punti oħra biex waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod. Basket ta’ Marco Matijevic reġa’ żied il-vantaġġ ta’ Luxol però Athleta għamlu 5 punti oħra iżda ma kienx għad fadlilhom ħin biex finalment kienu Luxol li ħarġu rebbieħa 80-76.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 5, N. Buhagiar 10, L. Stefanovic, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 8, R. Griffin 38, I. Xuereb 6, S. Vincic, R. Abela, B. Zammit 9.

Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 24, M. Sciberras 7, T. Bell 26, N. Engelbert, JP Schembri, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 14, M. Matijevic 7, S. Cappello 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Gordon Barbara, Ionut Ciurariu

Depiro………………………………………..85

Mellieħa Libertas Spalding……….93

(16-32)(25-27)(22-15)(22-19)

Mellieħa Libertas ukoll ħadu post fis-semi-finali meta issa jiltaqgħu kontra Hibernians. Mellieħa, li huma l-holders ta’ dan l-unur għelbu lil Depiro 93-85 grazzi għal bidu qawwi li kellhom għax mal-ħin Depiro rnexxielhom jirkupraw u saħansitra waslu sa’ ħames punti ‘l bogħod. Il-bidu tal-partita kien kollhu f’idejn Mellieħa li ħasdu lil Depiro b’run ta’ 26-6 bil-coach Ruben Baldacchino kostrett jieħu żewġ timeouts. Fost il-punti ta’ Mellieħa kien hemm trippli minn Conor Zinaich u Vukassin Jandric flimkien ma’ Samuel Zammit u David Bugeja. Lejn tmiem it-taqsima kien hemm il-punti minn Depiro bit-three pointers ta’ Miguel Brincat u Andrew Aquilina biex basket ta’ Nikola Jovanovic għalaq is-sessjoni favur Mellieħa 32-16. Depiro fetħu t-tieni taqsima bi break ta’ 11-2 fosthom żewġ trippli ta’ Cameron Cornelius biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 27-34. Mellieħa rkupraw u kellhom il-punti ta’ Miguel Falzon u trippla ta’ Robert Bonnici però Depiro reġgħu wieġbu bil-punti ta’ Aquilina għal skor ta’ 33-42. Hawn Mellieħa kellhom mument ieħor tajjeb u mmexxija mill-Amerikan Zinaich u Bugeja għamlu run oħra ta’ 16-2 biex daħlu jistrieħu 59-41 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, kien hemm sensiela ta’ trippli fuq iż-żewġ naħat li ħallew lil Mellieħa 74-53 minn fuq. Depiro kellhom l-aqwa tmiem għall-perjodu hekk kif għamlu run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ David Camilleri u d-distakk bejn iż-żewġ timijiet reġa’ niżel għal 11 -il punt 63-74. Il-ftuħ tar-raba’ taqsima ra lil Depiro jibdew b’żewġ trippli oħra minn Corenelius u Miguel Mallia biex naqqsu d-distakk għal 5 punti 69-74. Break ta’ 8-3 minn Zinaich u Jandric reġa’ ta vantaġġ b’figuri doppji lil Mellieħa 88-77 u l-ħin kien favur tagħhom hekk kif setgħu jikkontrollaw l-aħħar tentattivi ta’ Depiro u jieħdu r-rebħa 83-85.

Depiro: S. Galea 2, D. Camilleri 6, A. Aquilina 17, N. Grech, K. Rooks 26, M. Brincat 13, M. Mallia 3, C. Cornelius 18, M. Debattista.

Mellieħa Libertas: S. Zammit 2, M. Falzon 4, D. Bugeja 8, R. Bonnici 6, V. Jandric 18, I. Bonett 2, N. Bukva 9, N. Jovanovic 4, C. Ziniach 40, M. Formosa.

Referees: Daniella Torok, Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu