Internazzjonali

Franza żżid l-għassa minħabba l-immigrazzjoni

Franza qalet li qed iżżid in-numru ta’ dgħajjes ta’ salvataġġ fl-English Channel biex tittratta n-numru ta’ migranti li qed jippruvaw jaslu fir-Renju Unit u li kull ma jmur tali numru qiegħed dejjem jikber.

Żewġ bastimenti addizzjonali qed jiġu skjerati f’dik li l-Gwardja tal-Kosta Franċiża tiddeskrivi bħala mossa “bla preċedent”.

Dan isegwi l-kritika tar-rispons Franċiż għall-inċident ta’ Novembru 2021 li fih għerqu 27 persuna waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu lejn ir-Renju Unit b’dinghy.

Numru rekord t’aktar minn 40,000 ruħ għamlu tali qsim din is-sena. 

Il-Gwardja tal-Kosta Franċiża qalet li l-bastiment tas-sorvelljanza Lapérouse għadu kif wasal fil-port ta’ Calais, filwaqt li l-bastiment tal-għassa Kermorvan għandu jkun hemm fil-jiem li ġejjin.

Il-Gwardja sostnew b’dawn iż-żewġ bastiment se jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ salvataġġ tal-gwardja tal-kosta fis-settur tat-Tramuntana.

Ix-xahar li għadda, ir-Renju Unit qabel li jżid il-pagamenti lil Franza bi 8miljun sterlina aktar fis-sena għal 63 miljun sterlina biex jipprova jwaqqaf dgħajjes żgħar milli jaqsmu l-kanali.

Il-flus se jservu sabiex issa sorveljanza akbar tal-bajjiet Franċiżi, filwaqt li uffiċjali tal-pulizija tar-Renju Unit se jkunu jistgħu wkoll josservaw rondi fi Franza.

Huwa maħsub li l-uffiċjali Franċiżi li qed jgħassu l-kosta se jiżdiedu fin-numru minn madwar 250 għal 350 fuq perjodu ta’ ħames xhur.

In-numru ogħla ta’ migranti li għamlu l-qsim tal-Kanal din is-sena – magħruf bħala La Manche fi Franza – huwa ħtija ta’ żieda kbira fin-numru ta’ ċittadini Albaniżi li jagħmlu l-vjaġġ.

S’issa din is-sena 12,000 Albaniż waslu fir-Renju Unit bl-użu ta’ dgħajjes żgħar, meta mqabbel ma’ 50 biss fl-2020.