Rowen Camilleri
Bl-14-il tim jonqoshom logħba waħda biss biex ikunu lagħbu kollha kontra xulxin, illum jingħata bidu għat-13-il ġurnata u għalhekk l-aħħar waħda tal-ewwel round tal-Kampjonat BOV Premier. Għada ikolna żewġ logħbiet, il-Ħadd erbgħa u logħba it-Tnejn filgħaxija, ripetizzjoni tal-finali tas-Super Cup bejn Hibernians u Floriana
Birkirkara vs Balzan | Għada, fis-13:00 fl-Istadium Nazzjonali
Konfront bejn żewġ timijiet li rritornaw għar-rebħ fl-aħħar konfront tagħhom il-ġimgħa li għaddiet. Birkirkara għelbu faċilment lil Pietà filwaqt li Balzan kisbu rebħa importani u sa ċertu punt mhux mistennija kontra Gżira United. Bir-rebħa kontra Pietà, l-Istripes żammew il-pass ma’ ta’ fuq u kontra Balzan huwa importanti li tal-inqas ma jitiflux hekk kif bejnhom u Floriana, li jinsabu fis-seba’ post hemm biss tliet punti u għalhekk telfa tista tniżżilhom l-isfel fil-klassifika. Minn naħa l-oħra rebħa għal Balzan tkun importani mmens hekk kif huma jinsabu biss punt taħt it-tim ta’ fuqhom Floriana u tlieta taħt Gudja u Mosta.
Pietà Hotspurs vs Sirens | Għada, fis-13:00 fit-Tony Bezzina
Fil-partita l-oħra ta’ għada, Pietà se jkunu qed ifittxu li wara round diżappuntanti għall-aħħar, fejn rebħu biss darba, jispiċċaw b’riżultat pożittiv bit-tama li jdawwru paġna ġdida u jibdew it-triq li jiġbru l-punti u jinqalgħu minn qiegħ il-klassifika. Rodney Bugeja se jkollu nieqes lil Jake Ghio li jinsab sospiż. Sirens fl-aħħar konfront kellhom wirja tajba fit-telfa ta’ 1-0 kontra Hibernians wara li kienu ġejjin mill-aħjar forma tagħhom, b’żewġ rebħiet kontra Gudja u Marsaxlokk rispettivament. It-tim immexxi minn Winston Muscat għandu opportunità li jitla’ post fil-klassifika meta wieħed jikkunsidra li ż-żewġ timijiet ta’ fuqhom, Marsaxlokk u Valletta se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin u għalkemm l-aħjar riżultat għal Sirens ikun dak ta’ draw bejniethom, jekk Valletta jirbħu lix-Xlukkajri u Sirens jiksbu tliet punti kontra Pietà, it-tim minn San Pawl il-Baħar jitla’ fl-għaxar post tal-kassifika.
Żebbuġ Rangers vs Gżira United | Il-Ħadd, fil-11:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Fl-ewwel logħba tal-Ħadd, Żebbuġ u Gżira se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara li t-tnejn li huma ġejjin minn telfiet fl-aħħar ħarġiet tagħhom kontra Mosta u Balzan rispettivament. Din il-logħba hija importanti ħafna għal Żebbuġ minħabba l-fatt li jekk jitilfu u Sirens ma jiddiżappuntawx kontra Pietà, ikunu nqatgħu bi tmien punti mill-11-il post u għalhekk tkun diffiċli għalihom biex jirkupraw u forsi jevitaw play off jew aktargħar relegazzjoni fl-aħħar tal-istaġun. Fattur li forsi se jkun xi ftit ta’ vantaġġ għal Żebbuġ huwa li l-Maroons se jkunu mingħajr tnejn mill-aqwa elementi tagħhom, il-Brażiljani Gabriel Bohrer u l-aqwa skorer tagħhom u tal-kampjonat Jefferson De Assis, li t-tnejn huma sospiżi.
Marsaxlokk vs Valletta | Il-Ħadd, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Partita interessanti bejn żewġ timijiet li kull mhu jifridhom fil-klassifika huwa punt, b’Marsaxlokk jinsabu fl-għaxar post b’14-il punt filwaqt li Valletta jinsabu fid-disa’ post bi 15. Pablo Doffo se jkollu tliet plejers importanti sospiżi li huma Kristian Keqi, Juan Cruz Agiular u Oscar Carniello. Valletta minn naħa l-oħra se jkunu qed jittamaw li jerġgħu lura għar-rebħ wara t-telfa tal-ġimgħa li għaddiet kontra l-eks tim tal-kowċ Thane Micallef, Gudja United.
Gudja United vs Ħamrun Spartans | Il-Ħadd, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali
Fl-unika partita tal-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali, Gudja United jaffaċjaw lil Ħamrun Spartans f’konfront li fuq il-karta jidher wieħed diffiċli għat-tim immexxi minn Andrea Agostinelli. Gudja rebħu l-aħħar żewġ konfronti kontra l-Ispartans l-istaġun li għadda bi skor identiku ta’ 1-0. Huma ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 kontra Valletta u se jkunu qed jittamaw li jwettqu diżappunt u tal-inqas jieħdu xi ħaġa kontra l-leaders tal-klassifika. Gudja se jkollhom nieqes lil Farid Romero Zuniga li jinsab sospiż logħba. L-Ispartans, seba punti vantaġġ fuq Hibernians, bla dubju li se jkunu qed jinżlu għal xejn inqas minn tliet punti biex iżommu l-vantaġġ li għandhom fuq il-Pawlisti, bit-tama li dan jikber jekk dawn tal-aħħar ma jirbħux kontra Floriana.
Santa Lucia vs Mosta | Il-Ħadd, fis-19:00 fis-Centenary Stadium
Il-programm tal-Ħadd jingħalaq bil-konfront bejn Santa Lucia u Mosta, b’dawn tal-aħħar favoriti li jieħdu t-tliet punti li jżommuhom fl-ewwel nofs tal-klassifika. Santa Lucia tilfu l-aħħar tliet logħbiet tagħhom u din se tkun logħba oħra diffiċli kontra tim li jinsab fil-forma, tant li jinsab fis-sitt post tal-klassifika, żewġ punti biss ‘il bogħod mit-tieni post.
Hibernians vs Floriana | It-Tnejn, fis-19:30 fl-Istadium Nazzjonali
Erbat ijiem wara l-finali tal-BOV Super Cup, bejn Hibernians u Floriana, mirbuħa mill-Pawlisti bl-għoti tal-penalties, iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin fil-kampjonat it-Tnejn filgħaxija. Hibernians rebħu l-aħħar żewġ logħbiet u rnexxielhom jitilgħu fit-tieni post wara ż-żelqa ta’ Gżira kontra Balzan. Floriana jridu issa jinsew it-telfa fis-Super Cup u jikkonċentraw fuq li jirritornaw għar-rebħ wara d-draw fl-aħħar logħba kontra Marsaxlokk. Atzori se jkollu nieqsin lil Oualid El Hasni u Fernando Ezequiel Juarez li t-tnejn li huma qed jiskontaw sospensjoni ta’ logħba.
