𝐊𝐰𝐚𝐫𝐭𝐢 𝐭𝐚𝐥-𝐅𝐢𝐧𝐚𝐥𝐢
Kroazja 1-1 Brażil (5-3)
(Il-Kroazja jirbħu wara l-għoti tal-penalties)
Il-Kroati eliminaw lill-favoriti l-Brażil bl-għoti tal-penalties bl-eroj ikun bla dubju l-goalkeeper Dominik Livakovic li minbarra l-120 minuta stupendi li għamel b’saves li żammew lill-Kroati fil-partita, laqa’ l-penalty ta’ Rodrygo filwaqt li ieħor ta’ Marquinhos ħabat mal-lasta. L-iskor sal-120 minuta kien dak ta’ 1-1 b’gowls minn Neymar għall-Brażil filwaqt li Petkovic skorja l-gowl tad-draw li sforza l-penalties.
L-azzjonijiet perikolużi fl-ewwel taqsima kienu mill-inqas biż-żewġ difiżi attenti mija fil-mija li ma jaqilgħux gowl għalkemm l-intensità kienet għolja.
Ħames minuti logħob u l-ewwel attakk wasal mill-Brażil bix-xutt ta’ Vinicius Jr minn tarf il-kaxxa jkun milqugħ minn Livakovic
Fit-13-il minuta fuq in-naħa l-oħra Perisic irċieva pass mingħand Juranovic iżda x-xutt tal-winger ta’ Tottenham għadda għoli. Fit-42minuta Neymar inkariga minn free kick dirett iżda x-xutt devjat tiegħu kien milqugħ bla problemi minn Livakovic bl-ewwel taqsima tintemm fi draw ta 0-0.
Il-Brażil ħarġu perikolużi sa mill-ewwel minuti fit-tieni taqsima u Livakovic bis-sieq salva awto gowl ta’ Gvardiol wara kross minn Militao.
Fil-55 minuta pass mill-isbaħ ta’ Richarlison lejn Neymar li avvanza u prova xutt fil-baxx li kien milqugħ għal darb’oħra bis-sieq minn Livakovic. Il-goalkeeper Kroat kompla jimpressjona fis-66 minuta b’save ieħor mill-viċin fuq xutt ta’ Paqueta, f’mument fejn il-Brażiljani kienu kompletament fuq l-avversarji.
Il-Brażil jibqgħu jinsistu li jsibu l-gowl tal-vantaġġ u fis-76 minuta azzjoni oħra mibdija minn Richarlison li għadda lejn Neymar li minn qagħda angolata reġa ttanta xortieħ iżda inkredibilment Livakovic reġa’ wettaq save importanti u dawwar f’korner.
Fit-80 minuta l-goalkeeper Kroat reġa’ kien attent li laqa’ x-xutt minn bara ta’ Paqueta. L-iskor sad-90 minuta baqa ma nfetaħx u għalhekk il-logħba kellha tmur għall-ħin barrani.
12-il minuta mill-ħin barrani u l-Kroati b’azzjjoni mill-isbaħ maħduma minn Petkovic li qassam lejn in-nofs fejn kien hemm Brozovic iżda l-midfielder ta’ Inter spara għoli.
Hekk kif kollox kien qed jindika li l-ewwel taqsima tal-ħin barrani se tispiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls, il-Brażil skorjaw minn azzjoni meravilja. Neymar bidel il-ballun ma Paqueta li reġa’ lagħab il-ballun lill-attakkant ta’ PSG li b’inteliġenza qabez lil goalkeeper Kroat u tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Il-Kroati forsi kienu xi ftit maħsuda b’dak il-gowl ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima iżda dan ma qatalomx qalbhom u 12-il miuta mit-tieni taqsima tal-ħin barrani ġabu d-draw minn xutt ta’ Bruno Petkovic li kien devjat u għeleb lil Alison. Il-partita spiċċat bl-iskor ta’ 1-1 u għalhekk kellha tmur għall-penalties
Il-Kroati ħarġu rebbieħa meta huma skorjaw erba’ penalties minn Vlasic, Majer, Modric u Orsic filwaqt li l-Brażil skorjaw tnejn mill-erbgħa li taw permezz ta’ Casemiro u Pedro iżda Rodrygo u Marquinhos fallew it-tentattivi tagħhom.
//= $special ?>