Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Illum ikunu magħrufa l-ewwel żewġ semi finalisti

(Ritratt: EPA)

16:00 – Kroazja v Brażil

Fl-ewwel partita tal-kwarti finali, jiltaqgħu żewġ skejjel tal-futbol kompletament differenti. Fuq naħa għanda skwadra Ewropea li għelbet lill-Ġappun f’partita missielta, fejn irnexxielha tgħaddi wara l-għoti tal-penalties, filwaqt li l-iskwadra mill-Amerika t’Isfel għelbet lill-avversarju b’mod konvinċenti, b’rebħa meritata fuq il-Korea t’Isfel bl-iskor ta’ 4-1.

Il-Brażil se jibdew il-partita bħala l-favoriti għal dan il-konfront, madankollu l-finalisti tal-aħħar edizzjoni għandhom jittieħdu bis-serjetà hekk kif għandhom il-potenzjal li jwettqu diżappunt lil wieħed mit-timijiet sfidanti għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja.

L-aħħar konfront uffiċjali bejn iż-żewġ nazzjonijiet wasal fit-Tazza tad-Dinja tal-2014 fejn l-ospitanti, il-Brażil, ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. F’dik il-logħba, l-istilla tat-tim Brażiljan Neymar skorja doppjetta.

F’erba’ logħbiet bejniethom, il-Brażiljani ħarġu rebbieħa fi tliet okkażjonijiet, bil-logħba l-oħra tintemm fi draw.

20:00 – Olanda v Arġentina

Fil-Lusail Iconic Stadium, ripetizzjoni tas-semi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2014, fejn f’dik il-partita l-Arġentina għamluha għall-finali bl-għoti tal-penalties.

F’partita li għanda tkun waħda bilanċjata, se naraw żewġ timijiet li minn qabel il-bidu tal-kompetizzjoni diġa kienu meqjusa bħala żewġ skwadri favoriti li javvanzaw fit-tul.

B’xorti tajba, iż-żewġ skwadri se jkolllhom il-plejers kollha disponibbli għal din il-logħba.

Huwa interessanti ukoll li apparti l-konfront bejn żewġ ġganti tal-futbol internazzjonali, matul il-logħba se jkun għaddej ukoll konfront fit-tellieqa għall-aqwa skorer bejn Lionel Messi u Cody Gakpo, li t-tnejn jinsabu fit-tieni post bi tliet gowls kull wieħed.

Ir-rebbieħ ta’ din il-logħba ser jaffronta lir-rebbieħ tal-partita ta’ qabel bejn il-Kroazja u l-Brażil.