Lokali

Imut l-eks Ministru Laburista Daniel Micallef

Ritratt: Times / Darrin Zammit Lupi

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tat-tabib Daniel Micallef; eks Ministru Laburista li għal xi snin serva wkoll bħala Speaker tal-Parlament. It-tabib Micallef kellu 94 sena.

Micallef kien jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ambjentalist, u serva fiż-żminijiet turbolenti tal-Partit Laburista tas-snin Tmenin. Għalkemm ma’ ħafna kien jiġbed simpatija.

Hu jibqa’ magħruf ukoll għad-deċiżjoni li kien ħa wara l-elezzjoni tal-1981, meta kien iddikjara is-siġġijiet tal-PN bħala vakanti – dan minħabba li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ibbojkotjat il-Parlament minħabba li l-Gvern ta’ Mintoff ma kellux maġġoranza ta’ voti.

F’intervista mat-Times, ftit tas-snin ilu, hu kien iddeskriva lilu nnifsu bħala “kosmopolitan”.

It-tabib Rabti kien elett fil-Parlament ħames darbiet.

Fi stqarrija, il-Kap tal-PN Bernard Grech wassal il-kondoljanzi sinċiera lill-familja u lil qarabatu. Bil-Kap tal-PN jgħid illi t-Tabib Micallef jibqa’ magħruf illi “dejjem żamm lin-nies fiċ-ċentru ta’ ħidmietu kemm bħala tabib u kemm bħala politiku”.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia esprima sentimenti ta’ sogħba għall-aħbar tal-mewt tal-eks Ministru u eks Deputat tal-Kamra Daniel Micallef.  

Huwa sellem il-memorja tiegħu fuq kollox bħala eks speaker li ppreseda l-Kamra bejn Frar 1982 u Lulju 1986, u wassal il-kondoljanzi lill-familja kollha.