L-avvenimenti li għaddejna minnhom – l-ammont ta’ imwiet rekord fit-toroq tagħna kif ukoll fil-postijiet tax-xogħol…huma wake up call.
Hekk iddeskriviet il-falliment fl-istituzzjonijiet il-Ministru Miriam Dalli. Dan wara li fl-aħħar jiem The Shift News żvela li l-bini tal-fabbrika tal-għamara li ġġarraf f’Kordin fil-bidu tax-xahar, tiġrif li sewa l-ħajja ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena…kien qed jinbena illegalment, fuq art tal-Gvern.
Apparti minn hekk, fl-ahhar gimghat sar magħruf ukoll kif il-Gvern ikkummissjona studju dwar il-Vjolenza Domestika minn esperti fil-qasam, studju li sewa €20,000, studju li ta r-rakkomandazzjonijiet dwar x’għandu jitranġa biex jitjieb is-servizz lill-vittmi ta’ vjolenza domestika…studju li baqa’ fuq l-ixkaffa għal aktar minn sena..studju…li wara li tlesta jistenna li jiġi ppubblikat laħqu mietu żewġ persuni kawża ta’ vjolenza domestika.
Dan filwaqt li, sfortunatament, matul din is-sena pajjiżna rreġistra 25 fatalità f’inċidenti tat-traffiku..ammont rekord..ammont li jixhed il-falliment assolut tar-Road Safety Strategy li nieda Gvern Laburista stess lura fl-2014 meta suppost kellhom jitnaqqsu l-imwiet fit-toroq bin-nofs…minflok wara inqas minn 10 snin dawn aktar milli rduppjaw.
Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, il-Ministru Miriam Dalli jekk taħsibx li l-istituzzjonijiet fallew..b’Dalli twieġeb li dawn l-affarijiet jiġru kullimkien.
Mistoqsija dwar x’inhu jagħmel il-Gvern tal-Labour b’mod konkret, hi sostniet li dan kollu huwa wake up call.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Net News staqsa lill-Ministru tal-Familja Michael Falzon x’inhi r-raġuni għalfejn ir-rapport tal-esperti dwar il-vjolenza domestika tħalla fuq l-ixkaffa għal aktar minn sena…b’Falzon jisħaq li il-Gvern għandu jiġi ġudikat fuq li jwettaq.
Iżda l-fatti, sfortunatament, huma daw..fost oħrajn li l-istudju dwar il-vjolenza domestika elenka numru ta’ rakkomandazzjonijiet illi li kieku l-Gvern tahom widen fil-ħin kienu jiġu megħjuna ħafna nies..u salvati l-ħajjiet.
