L-avversarji tal-Kroazja fis-semifinali se jkunu l-Arġentina wara rebħa ta’ 4-3 bil-penalties, kawża ta’ draw ta’ 2-2. Logħba oħra li kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties, b’Lautaro Martinez jiskorja l-penalty deċiżiv. Impenn kbir mill-Olanda li rnexxielha tirkupra minn żvantaġġ doppju lejn tmiem id-90 minuta. Din kienet l-ewwel telfa tal-kowċ Olandiż Louis van Gaal minn kemm ilu li rritorna fit-tmexxija tal-Olanda.
L-Arġentina marret fil-vantaġġ fil-35 minuta. Kien is-solitu Lionel Messi li b’passaġġ maġiku rnexxielu jsib spazju qalb il-plejers Olandiżi lejn NAHUEL MOLINA li kkontrolla l-ballun fil-kaxxa u mattar siequ biex għadda l-ballun wara Andries Noppert.
L-Albiceleste rduppjaw fit-73 minuta meta r-referee Antonio Mateu ordna penalty wara li Denzel Dumfries waqqa’ lil Marcos Acuna fil-kaxxa. Inkariga ruħu LIONEL MESSI u b’xutt fuq in-naħa leminija ħalla lil Noppert statiku.
Sa dak il-ħin dehret li l-logħba kienet kważi magħluqa iżda l-Olandiżi kellhom ħsieb ieħor. Dan għaliex naqqsu d-distakk f’azzjoni bejn żewġ sostituti. Steven Berghuis sab lill-attakkant WOUT WEGHORST li b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ għeleb lil Emiliano Martinez.
Kien għad fadal biżżejjed ħin biex jisfurzaw il-logħba fil-ħin barrani speċjalment wara 10 minuti ta’ ħin miżjud. U proprju fl-aħħar azzjoni l-Olanda ġabet id-draw. Minn free-kick, Teun Koopmeiners ħasad lil kulħadd u minflok prova b’xutt lejn il-lasta, qassam ħdejn il-barriera lejn WOUT WEGHORST li kkontrolla u minkejja li ssikkat għeleb lil Martinez b’xutt imkaxkar.
L-aħjar okkażjonijiet fil-ħin barrani waslu fuq in-naħa tal-Arġentina lejn it-tmiem. Lautaro Martinez resaq darbtejn viċin, l-ewwel b’xutt li ġie mxellef minn Virgil van Dijk u ftit wara xutt li ġie mdawwar f’korner minn Noppert. Fl-aħħar sekondi xutt ta’ Enzo Fernandez stampa mal-wieqfa.
Il-logħbiet kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties. Virgil van Dijk kellu l-ewwel xutt salvat minn Emiliano Martinez u Lionel Messi skorja bil-kalma kollha. Martinez reġa’ spikka din id-darba fuq Steven Berghuis, b’Leandro Paredes jpoġġi lit-tim Arġentina żewġ gowls minn fuq.
Teun Koopmeiners ħalla lill-Olandiżi jittamaw u Gonzalo Montiel ressaq lill-Arġentina aktar viċin. Weug Weghorst skorja t-tieni penalty Olandiż sakemm Enzo Fernandes xeħet barra. Luuk de Jong ġab id-draw momentarju iżda Lautaro Martinez tefa’ lil Noppert in-naħa l-oħra tal-ballun u xeħet lill-Arġentini fis-semifinali.
//= $special ?>