Lokali

“Mhux fil-kompitu tiegħi li niċċekkja ta’ min hi” – il-Ministru Caruana dwar il-Valletta Air

Il-futur tal-linja tal-ajru nazzjonali jidher li għadu inċert ħafna – għad-detriment tal-impjegati u l-familji tagħhom.

Ġimgħatejn ilu Net News staqsa lill-Ministru Clyde Caruana jekk jikkonfermax li, bħal ma kien indikat minn Mavio News, hemm il-possibilità li kumpanija tal-ajru ġdida bl-isem ta’ Valletta Air titwaqqaf minn linja tal-ajru Litwena ‘Heston Airlines’.

U skont diversi rapporti internazzjonali jidher li l-Litweni ħaffu passejhom aktar mill-Gvern Malti.

Meta konna saqsejna lil Clyde Caruana, hu kien weġibna billi qal li ma kienx jaf.

L-Erbgħa filgħodu Net News reġa’ staqsa lill-Ministru jekk iċċekkjax ta’ min hi l-Valletta Air, li rapport internazzjonali qed jgħidu li tista tibda topera sa mis-Sajf tal-2023…b’Caruana ma jiċħadx l-eżistenza tagħha…iżda jinsisti li żgur mhux Maltija u  li m’għandux għalfejn ikun jaf biha.

Sorsi qrib is-settur qed jisħqu li għadu mhux ċar jekk la darba l-Air Malta kif nafuha tagħlaq għal kollox hux se tidħol fix-xena l-Valletta Air…cioè l-Gvern Malti jidħol fi ftehim ma’ Heston Airlines bl-eventwalità li jew jixtriha min għandhom…jew il-linja tal-ajru  nazzjonali tiġi waħda privata għal kollox.

Mistoqsi minn Times of Malta, Clyde Caruana spjega li għad hemm mal-40 impjegat li għadhom qed jaraw fejn se jpoġġuhom biex jitrasferuhom mill-Air Malta għal impjieg ieħor. Dan filwaqt li insista li għad fadal ħafna aktar xi jsir u ħafna aktar deċiżjonijiet x’jittieħdu biex tissalva l-Air Malta.

Dan filwaqt li sostna li anke biex pajjiżna jkollu linja tal-ajru…anke f’eventwalità li mhux l-Air Malta kif nafuha…hemm bżonn ta’ injezzjoni ta’ kapital qawwi bl-ispejjeż iridu jonqsu minn kull angolu.

Huwa temm jgħid li pajjiżna ma jistax ikollu linja tal-ajru bi flotta ta’ 8 ajruplani u jibqa’ jiżdiedu l-ispejjeż.

Dan id-diskors jasal ftit aktar minn 3 snin wara li lura fl-2019 l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien ftaħar li l-Air Malta kienet għamlet profitt ta’ aktar minn miljun ewro….biex issa s-sitwazzjoni tidher mwiegħra għall-aħħar.