Lokali

Fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għall-Milied

Hekk kif wasalna f’nofs Diċembru x-xahar sinonimu mal-Festi tal-Milied, ħafna jinsabu għaddejin bil-preparamenti u bix-xiri tar-rigali – jduru l-ħwienet biex isibu xi ħaġa sabiħa għall-qraba u l-ħbieb. Jew jiltaqgħu għall-ikliet tradizzjonali ta’ dan iż-żmien tas-sena.

It-toroq tal-Belt ilhom minn Novembru li libsu il-libsa tal-Milied, u llum ġejna nistqasu lin-nies kif se jqattgħu dan iż-żmien ta’ festi wara sentejn ta’ pandemija.

Apparti l-Maltin, diversi turisti bħalissa jinsabu f’pajjiżna għal klima daqsxejn iżjed sħuna minn pajjiżi Ewropej oħrajn.

U fejn jidħol ix-xiri tar-rigali, uħud qalulna  li diġà xtraw kulma kellhom bżonn, filwaqt li oħrajn, għadhom lanqas bdew jew jonqoshom biss dak ir-rigal partikolari.

Net News staqsa xi jfisser il-Milied għan-nies, b’ħafna jghidu li l-Milied għalihom ifisser ferħ, paċi, u għaqda. Għal oħrajn, il-ġabra tal-familja – il-laqgħat mal-ħbieb – jew forsi xi vaganza li tkun tant mistennija.