MAROKK …………………… 1
PORTUGALL ………………. 0
Il-Marokk kitbu paġna tad-deheb fl-istorja tal-futbol Afrikan hekk kif saru l-ewwel tim mill-kontinent Afrikan li wasal sas-semifinali tat-tazza tad-dinja. Dan wara li għelbu lill-favoriti Portugall 1-0 grazzi għal daqqa ta’ ras ta’ En Nasyri.
B’wirja oħra erojka bħal dik li biha eliminaw lil Spanja fir-rawnd ta’ qabel, il-marokk iddefendew għal ħinijiet twal, iżda għamlu dan b’organizzazjoni perfetta u bi qlubija kommoventi..
L-ewwel azzjoni tal-Portugall wara ħames minuti b’daqqa ta’ ras ta’ Joao Felix u save tal-goalkeeper. Ftit wara ċans għall-Marokk iżda En Nesyri minn qagħda tajba xeħet għoli bir-ras.
Minkejja li l-Portugiżi kellhom iktar pussess tal-ballun il-Marokk ikkontrollaw tajjeb u l-Portugiżi bdew isibuha ferm diffiċli biex jinfdu d-difiża avversarja. Fl-34 minuta azzjoni veloċi Marokkina iżda Amallah minn qagħda tajba spara ferm għoli.
Minuta wara azzjoni oħra tal-Afrikani bix-xutt ta’ Boufal imblukkat mingħajr problemi minn Costa. Il-logħba ħadet il-ħajja fl-aħħar minuti tat-taqsima meta fit-42 minuta l-Marokk fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Attiat-Allah kien hemm il-ħarġa difettuża ta’ Costa u En Nesyri bir-ras xeħet fix-xibka.
Fil-minuti li kien għad fadal għal tmiem l-ewwel taqsima Bruno Fernandes kellu xutt bid-dawra jaħbat mal-mimduda u l-Portugiżi appellaw għal penalty għal fawl fil-kaxxa fuq Ramos.
Fit-tieni taqsima l-Portugall ħarġu fuq l-attakk iżda kienu l-Marokk li resqu qrib b’daqqa ta’ ras ta’ Ounahi. Fil-51 minuta daħal jilgħab Cristiano Ronaldo u ftit wara daqqa ta’ ħarta għall-Marokk meta weġġa’ Saiss u kellu jinbidel.
Il-pressjoni Portugiża saret issa qawwija u xutt ta’ Bruno Fernandes mar ftit għoli. Il-Portugall xeħtu kollox fl-attakk u introduċew iktar plejers offensivi bħal Leao u Horta u fit-83 minuta Bounou wettaq save brillanti fuq xutt ta’ Felix.
Fit-tmien minuti ta’ ħin miżjud opportunita’ għal Ronaldo li kien imwaqqaf minn Bounou u fit-93 minuta il-Marokk kellhom lil Chedira mkeċċi. Il-minuti li kien fadal kienu eternita’ għall-Marokkini anki jekk Aboukhlal falla ċans tad-deheb quddiem Santos.
Iżda l-Marokk irreżistew biex it-tisfira finali rat lill-Marokk jiċċelebraw bil-kbira u l-Portugiżi mbikkma jħallu l-grawnd.
//= $special ?>