Aktar opinjonisti, akkademiċi, professjonisti u persuni minn oqsma varji tas-socjeta qed isemmgħu leħinhom kontra l-emenda li jrid idaħħal il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela – emenda li permezz tagħha se twitti t-triq għall-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna.
Din id-darba, wara l-President Emeritu Maire Louise Coleiro Prece, wara l-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat u saħansitra l-President George Vella, kien imiss lill-eks kunsllier u esponent Laburista Desmond Zammit Marmara li jitkellem b’sahha kontra l-mossa tal-Mexxej Laburista.
Fil-blog tiegħu fis-sit Newsbook.com.mt, Zammit Marmara jikteb li mill-2013 ’l hawn f’Malta intilfu l-valuri u pajjiżna daħal fi sqaq. U insista illi inutli li nkejlu kollox b’kejl materjalistiku.
Zammit Marmara jistqsi xi prezz qed inħallsu għal dan kollu… u li jekk il-prezz kien it-telfien tal-valuri, allura ħallasna prezz qares.
Huwa jistaqsi x’sar minnhom il-prinċipji demokratiċi f’pajjiżna u kif il-Prim Ministru Robert Abela qed jiddeċiedi dwar xi ħaġa tant importanti bħall-kwistjoni tal-abort meta m’għandux mandat elettorali mill-poplu.
Jistaqsi wkoll għaliex il-Prim Ministru qed jiġi jaqa’ u jqum milll-poplu li fil-maġġoranza assoluta tiegħu huwa kontra l-abort. U fakkar kif fl-imgħoddi l-Partit Laburista minn dejjem kien partit favur il-ħajja u qatt ma kien favur mewt ta’ min hu bla vuċi biex jiddefendi ruħu.
Desmond Zammit Marmara jgħid li llum il-Partit Laburista għandu ħafna nies progressivi fi ħdanu li jħarsu lejn min huwa kontra l-abort bħala persuni li ma jimxux maż-żminijiet tal-lum.
Huwa żied jgħid li jħossu jiddardar meta jara l-kampanja li qed issir minn ċerti nies sabiex l-abort jidħol f’pajjiżna. U jaċċenna għall-fatt li hawn min taparsi jrid diskussjoni dwar l-abort… imma biss sakemm id-diskussjoni tkun dwar kif se jidħol l-abort u mhux dwar il-mortalità jew aħjar l-immoralità tal-abort.
//= $special ?>