Lokali Qorti

Il-vittmi jaqilgħu ċanfira mill-Qorti għax ma xehdux kontra l-akkużat

Raġel minn Norveġja ta’ 56 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li allegatament wettaq vjolenza domestika fuq martu u l-kunjata tiegħu.

Fost oħrajn, ir-raġel kien akkużat li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed ħajjet martu f’periklu ċar, ikkaġunalha ġrieħi gravi waqt li ħebb għaliha. L-aggressur ġie akkużat ukoll li weġġa’ b’mod ħafif lill-ommha.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-Ispettur Colin Sheldon qal li kienet oħt il-mara li ċemplet lill-Pulizija waqt li enfasizza li l-mara tal-aggressur fl-ebda ħin ma riedet tipproċedi b’rapport kontra l-akkużat.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-każi ta’ vjolenza domestika jridu jiġu indirizzati b’mod serju ħafna. Hija kompliet billi qalet li waqt li l-Qorti trid tipproteġi lin-nisa, meta l-vittmi jagħżlu li ma jippoċedux kontra minn wettaq il-vjolenza domestika fuqhom, il-Qorti tispiċċa b’idejha marbuta.

Hi u tindirizza lill-mara u lill-ommha li kienu preżenti fl-awla, il-Maġistrat qalet li għalkemm huma ma jridux jipproteġu lilhom infushom, il-Qorti se tipproteġihom u ordnat divjett fuq l-ismijiet.

Donatella Frendo Dimech innutat li minħabba l-fatt li l-vittmi ma jridux jixhdu u minħabba s-serjetà tal-każ, ikun aktar ta’ periklu jekk l-akkużat jinżamm barra, għalhekk hija ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Hija wisset lill-vitmmi tal-allaget abbuż sabiex meta jasal iż-żmien li ż-żewġ nisa jerġħu jidhru quddiem il-Qorti, dawn għandhom jaħsbu sew fuq l-aġir tagħhom, hekk kif il-konsegwenzi li ma jikkoperawx mal-ġustizzja huma serji ferm.