Lokali

“Kulħadd għandu kontribut x’jagħti” – Il-President George Vella

“Kull persuna ċkejkna jew anzjana, b’diżabilità li tidher jew moħbija, għandha d-dritt ta’ ħajja dinjituża u bl-iktar mod indipendenti possibbli għax kulħadd għandu kontribut x’jagħti.”

Hekk saħaq il-President George Vella waqt iċ-ċerimonja Premju Soċjetà Ġusta, fejn appella lill-poplu kollu biex dejjem iżomm f’moħħu u f’qalbu lil dawn il-persuni.

Il-Premju Soċjetà Ġusta jiċċelebra u jirrikonoxxi l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilità.

Il-President ħeġġeġ lir-rebbieħa u n-nominati kollha biex ikomplu b’din il-vokazzjoni li jkunu ta’ servizz għall-persuni b’diżabilità biex tassew iħossuhom parti integrali mis-soċjetà.

George Vella qal li waqt li Malta qed timxi b’mod effettiv fl-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u fl-obbligi internazzjonali relatati mal-ugwaljanza, radd ħajr lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u lill-Aġenzija Sapport għall-ħidma tagħhom u ħeġġeġ għall-kollaborazzjoni għat-twettiq tal-istrateġiji fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Premju Soċjetà Ġusta ntrebaħ mill-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta li hu responsabbli mill-iżvilupp u l-promozzjoni tal-parasports f’Malta u Għawdex u fl-aħħar snin ħadem biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-parasport u jikkollabora ma’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali, klabbs sportivi, coaches, NGOs u partijiet interessati oħra fid-diżabilità, l-isport u l-edukazzjoni.

Il-Kumitat Paralimpiku Malti għandu madwar 50 paraatleta attiv bil-maġġoranza jkunu taħt is-16-il sena. Barra minn hekk, dan l-aħħar l-organizzazzjoni daħlet fil-parasport peruni għomja u neqsin mid-dawl.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-inklużjoni u l-volontarjat Graziella Galea.

Ir-rebbieħa tar-rikonoxximent speċjali u l-unuri l-oħrajn huma:

Gilmour Borg – Premju għall-Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

Villa Bianca, The Malta Trust Foundation – Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Arti u l-Kultura

Siġġiewi Rowing Club – Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport

Dr Claire Azzopardi Lane – Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-settur tad-Diżabilità

PRISMS Malta – Premju lill-Għaqda Volontarja għal ħidma għat-tisħiħ tal-inklużjoni

The Estates Facilities & Capital Development Directorate, l-Università ta’ Malta – Premju għall-iktar post tax-xogħol li jopera b’mod inklussiv

Special Olympics Malta – Rikonoxximent speċjali għal ħidma fis-settur tad-diżabilità

Kumitat Paralimpiku ta’ Malta – Premju Soċjetà Ġusta