Kull persuna għandha valur għax kull persuna għandha abbiltjiet differenti. Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta s-Sibt ħa sehem f’diskussjoni li saret fid-Dar Ċentrali bl-isem ‘Bl-abbiltà tagħna lkoll, nagħtu widen lis-settur”… diskussjoni li saret ma’ numru ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ persuni b’abbiltajiet differenti.
Saħaq li l-punt tat-tluq huwa billi bħala soċjetà nħarsu l-ewwel lejn il-valur tal-persuna. Huwa qal li ma rridux inħarsu biss lejn id-diżabbiltà iżda lejn l-abbiltà li għandu kull wieħed u waħda minna.
Bernard Grech qal li rridu naraw kif se nagħtu lura d-drittjiet lil dawn il-persuni li ttieħdu mis-soċjetà stess fosthom in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fit-toroq.
Huwa tkellem ukoll dwar id-dinjita li x-xogħol jagħti lill-persuna, fejn Malta għadha wisq tħares lejn l-impjieg ta’ dawn il-persuni bħala premju għal min iħaddem. Għalhekk saħaq fuq il-bżonn ta’ bidla fil-mentalità ta’ kif inħarsu lejn dawn il-persuni li għandhom abbiltajiet differenti.
Min-naħa tagħha, il-kelliem għall-inklużjoni u l-volontarjat Graziella Galea fakkret kif matul dawn il-jiem ġew iċċelebrati Jum il-Voluntieri u l-Jum għall-Persuni b’diżabbilita’.
Hi qalet li laqgħat bħal dawn iservu biex wieħed jisma’ l-għaqdiet u jkunu jistgħu jitfasslu proposti konkreti fuq dak li verament għandhom bżonn il-persuni b’diżabilita’. Saħqet li l-ministeru tal-inklużjoni għandu jservi ta’ one stop shop minflok is-servizzi jkunu mifruxa fuq ministeri differenti.
Graziella Galea rringrazzjat lill-għaqdiet volontarji tax-xogħol illi jwettqu u qalet li se tkompli tkun viċin tagħhom, tal-persuni b’diżabilita’ u ta’ dawk li jaħdmu f’dan is-settur. Qalet ukoll li se tkompli tagħmel laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet volontarji differenti.
L-għaqdiet u organizazzjonijiet li ħadu sehem f’din id-diskussjoni tkellmu dwar numru ta’ nuqqasijiet li jeżistu f’dan is-settur.. nuqqasijiet zgħar li jekk jiġu indirizatti jiffaċilitaw il-ħajja ta’ dawn il-persuni li għandhom abbiltajiet varji.
Tkellmu wkoll dwar l-importanza li jkun hawn iktar għarfien dwar numru ta’ diżabbiltajiet filwaqt li jizdiedu s-servizz li jingħataw lil dawn il-persuni.
Sentiment komuni fost dawn l-għaqdiet kien dak li leħinhom mhux qed jinstema’ biżżejjed. Saħqu li għalkemm f‘dan is-settur sar ħafna progress, ħeġġu lill-politiċi kollha biex jisimgħu u jieħdu azzjoni fil-konfront tal-problemi li qed jaffaċċja s-settur illum il-ġurnata.
Fil-qasam, residenzjali hemm bżonn ħafna iktar xi jsir għax din l-għajnuna iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed tiżdied. Dan hekk kif persuna b’diżabbiltà għandha dritt tagħżel fejn trid tgħix. L-istess fir-rigward tal-mediniċi, saħqu li ma saret ebda konsultazzjoni magħhom min-naħa tal-Gvern dwar ċerti mediċi li jagħmlu użu minnghom.
Huma tkellmu wkoll dwar is-settur edukattiv hekk kif hemm bżonn ta’ iktar professjonisti fl-iskejjel fosthom phsycologists. Tkellmu dwar kif hemm nuqqas ta’ għajnuna u servizzi fl-edukazzjoni post sekondarja li qed taffettwa t-tagħlim neċessarju li għandhom bżonn dawn l-istudenti biex imbagħad jidħlu fid-dinja tax-xogħol..
Din id-diskussjoni, li tmexxiet minn Julian Borg, kienet organizzata mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea u preżenti kien hemm il-President tal-FOIPN Jamie Vella.
//= $special ?>