“Il-problemi tas-saħħa mentali mhux se jkunu solvuti bl-abort u għalhekk hemm bżonn li nagħmlu minn kollox sabiex tkun salvata l-ħajja tat-tarbija.”
Dan kien l-appell tal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca f’intervista li saret waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi s-Sibt filgħodu fuq ir-radju 103.
Matul din l-intervista Coleiro Preca fakkret kif rigward l-emenda li se twassal għall-abort f’pajjiżna t-tobba saħqu li din se toħolqilhom aktar problemi. Kien għalhekk li aċċenat għall-fatt li l-Gvern għandu jagħti widen lit-tobba u jieħu l-pariri tagħhom.
Barra minn hekk, hija qalet li tinsab kburija li pajjiżna s’issa għadu jħaddan il-valuri tal-ħajja u għalhekk hemm bżonn li tkompli l-ħidma sabiex il-ħajja tat-tarbija dejjem tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Marie Louise saħqet li l-poplu ma jistgħax jibqa’ immatur u jeħtieġ li jżomm diskussjoni nazzjonali lil hinn mill-partiġjaniżmu għaliex din hija sitwazzjoni ta’ valuri. Din is-sitwazzjoni turi x’valuri qed iħaddan il-poplu u li jeħtieġ li nkomplu niġġieldu sabiex nipproteġu l-ħajja fil-ġuf.
Marie Louise appellat għal aktar għarfien dwar id-drittijiet u dmirijiet tat-tfal iżda qalet ukoll li r-responsabbiltajiet jaqgħu fuq il-ġenituri jew min qed jieħu ħsiebhom. U insistiet li d-drittijiet u dmirijiet tat-tfal għandhom ikunu sagri.
Hija għamlet appell lil kull settur għaliex it-tfal għandhom ikunu fiċ-ċentru tas-soċjeta’ u ta’ kull Gvern, fejn għandna nisimugħhom kif ukoll nagħtuhom vuċi. Barra minn hekk, hija qalet li t-tkissir tar-relazzjonijiet iħalli impatt qawwi fuq it-tfal tul ħajjithom kollha b’mod speċjali meta dawn il-problemi jispiċċaw fil-Qorti.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li jkompli l-investiment fit-tfal b’mod speċjali fil-prevenzjoni sabiex jkollhom aċċess għal kull opportunita’ possibli tul ħajjithom. Hija qalet li t-tfal jeħtieġ li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom u mhux jieqfu f’eta’ żgħira għaliex ikunu qed jillimitaw l-opportunitajiet tagħhom.