Min ifarfarha fuq it-tobba, min jgħid li hu kontra l-abort, min jistħi jitkellem dwaru u min jagħmel skont li jgħidulu.
Din hija s-sitwazzjoni tal-Kabinett ta’ Robert Abela rigward il-liġi tal-abort u l-emenda li Abela stess irid jilleġiżla; emenda li anke esponenti kbar tal-Partit Laburista bħal l-eks Ministru u President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca flimkien ukoll mal-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat qed jgħidulu li hija waħda vaga u li se tkun qed idaħħal l-abort mill-bieb ta’ wara.
U wara li Net News staqsa fost oħrajn lill-Ministru Clyde Caruana jekk jaqbilx mal-abort jew le b’Caruana jgħidilna li huwa jagħmel skont kif jgħidlu l-Partit tal-Labour kif ukoll staqsejna lill-Ministru Falzon li farfarha fuq il-professjonisti mediċi sabiex sussegwentament qal li ma jaqbilx mal-abort iżda xorta waħda jagħmel kif jgħidulu. Din id-darba Net News staqsa lill-Ministru Miriam Dalli d-domanda sempliċi lil’hinn mill-kwistjoni preżenti taqbilx mal-abort jew le.
Net News kompla jinsisti ma’ Miriam Dalli sabiex twieġeb jekk hi għadhiex tal-istess fehma li kellha lura fl-2016, jiġifieri jekk hiex kontra l-abort bil-Ministru Dalli tħossha skomda għal kollox li twieġeb sempliċiment iva jew le fuq suġġett li spiċċa fil-quċċata tal-aġenda tal-Gvern mingħajr m’għandu mandat dwaru.