INGILTERRA………….1
FRANZA………………..2
Franza huma l-avversarji tal-Marokk fit-tieni semi finali li tintlagħab l-Erbgħa filgħaxija, meta f’logħba missielta u denja ta’ kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja, għelbu lill-Ingilterra 2-1. Kienu l-Franċiżi li fetħu l-iskor fis-17-il minuta minn Tchoameni bl-Ingliżi jġibu d-draw minn penalty ta’ Kane fl-54 minuta iżda Franza reġgħu skorjaw fit-78 minuta permezz ta’ Giroud. L-Ingliżi fallew ukoll penalty ieħor għaxar minuti mit-tmiem.
Franza fuq l-offensiva u wara 11-il minuta korss ta’ Dembele isib lil Giroud fil-kaxxa iżda d-daqqa ta’ ras tal-aqwa skorer fl-istorja ta’ Franza tkun salvata minn Pickford.
Franza marru minn fuq fis-17-il minuta meta Griezmann għadda lejn Aurlelien Tchouameni u b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa l-midfielder ta’ Real Madrid għeleb għal kollox lil Jordan Pickford.
Tliet minuti wara free kick dirett ta’ Luke Shaw jkun milqugħ minn Lloris biex fit-22 minuta ċans għall-Ingilterra b’ċans tajjeb, Harry Kane jaqbeż lil Upamecano fil-kaxxa u prova xutt lejn il-lasta, b’sieħbu ta’ Tottenham Hugo Lloris laqa’ tajjeb qabel mal-azzjoni sfumat fix-xejn.
L-Ingliżi baqgħu jinsistu għall-gowl tad-draw u fid-29 minuta Harry Kane b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa reġa’ mpenja lil Lloris li rrisponda b’save mill-aqwa u dawwar f’korner. Il-Franċiżi kkontrollaw tajjeb lill-avversarji sat-tmiem l-ewwel taqsima biex daħlu jistrieħu fil-vantaġġ.
It-Three Lions mill-ewwel urew l-intenzzjonijiet tagħhom fit-tieni taqsima u wara biss żewġ minuti Lloris kellu jerġa’ jwettaq save brillanti din id-darba fuq tentattiv ta’ Jude Bellingham li minn tarf il-kaxxa prova xutt mill-isbaħ li deher iddestinat għal ġewwa.
Fit-52 minuta l-Ingilterra ingħataw penalty għal foul fil-kaxxa ta’ Upamecano fuq Saka. Mill-11-il metru kien Harry Kane li tefa’ l-ballun naħa u lil Lloris in-naħa l-oħra biex ġab l-iskor indaqs.
Minuta biss wara d-difiża Ingliża inqabdet fuq sieq waħda, b’Rabiot isib l-ispazju biex jixxutja u hekk għamel iżda sab lil Pickford attent li laqa’ tajjeb.
L-Ingilterra marru viċin il-gowl tal-vantaġġ fis-70 minuta meta l-free kick ta’ Henderson sab lil Maguire li għola tajjeb iżda kien sfortunat li d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet tħakkek mal-wieqfa.
Fis-77 minuta kien imiss lil Pickford li jwettaq save tajjeb meta mill-kross ta’ Dembele, Olivier Giroud ra x-xutt mill-viċin tiegħu ikun imtajjar bi bravura mill-goalkeeper ta’ Everton. Minuta wara iżda Franza marru fil-vantaġġ meta l-kross ta’ Griezmann sab għal darb’oħra lill-Olivier Giroud li din id-darba b’daqqa ta’ ras mill-aqwa ma ta l-ebda ċans lil Pickford li ftit seta’ jagħmel biex iżomm l-iskor f’parità.
L-Ingliżi ingħataw it-tieni penalty fit-82 minuta meta Theo Hernandez waqqa lis-sostitut Mason Mount fil-kaxxa bir-referee jirrikorri għal VAR u jiddeċiedi li jagħti il-penalty. Fuq il-ballun jerġa jmur Harry Kane iżda din id-darba falla l-mira u spara għoli biex tilef anke ċ-ċans li jsir l-aqwa skorer ta’ kull żmien għall-Ingilterra.
L-iskor baqa’ ma nbidilx wara tmien minuti ta’ ħin miżjud u Franza ħarġu rebbieħa biex issa se jkunu huma li jilagħbu fis-semi finali kontra l-Marokk nhar l-Erbgħa.
//= $special ?>