Internazzjonali

Renju Unit: splużjoni fi blokka appartamenti tħalli persuna mejta

Splużjoni fi blokka appartamenti ħasdet il-ħajja ta’ mill-inqas persuna filwaqt li 12-il persuna oħra għadhom mitlufa. Fiflatt mhux eskluż li jinstabu aktar nies mejta. Din l-isplużjoni seħħet is-Sibt filgħodu fil-gżira ta’ Jersey li tagħmel parti mill-Gżejjer Brittaniċi.

Barra minn hekk, diversi persuni jinsabu l-isptar għaliex ġarrbu ġrieħi kaġun ta’ din l-isplużjoni. Din il-binja spiċċat inqerdet għal kollox fejn kawża tal-isplużjoni kien hemm ukoll bosta nirien.

Il-Pulizija qalu li l-operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ mistennja tieħu diversi jiem għaliex hija sitwazzjoni delikata immens.

Intant, residenti li jgħixu qrib iż-żona qalu li ħassew theżżiża kbira tant li ħasbu li seħħ terremot. Fil-ħin tal-isplużjoni dehret daħna kbira li damet għal diversi sigħat.