Lokali Qorti

10 xhur ħabs għal Libjan li seraq minn ħanut fil-Belt

Libjan ta’ 46 sena ġie kkundannat 10 xhur ħabs wara li ammetta li seraq minn ħanut fil-Belt Valletta. Mill-provi rriżulta li li l-Pulizija ġiet infurmata li persuna mhux magħrufa daħlet tisraq minn ħanut fi Triq ir-Repubblika. Wara li ġew analizzati filmati tas-CCTV l-pulizija bdew bit-tfittxijiet għall-ħalliel.

Waqt li l-Pulizija kienet għaddejja bir-ronda tagħha meta kienet fl-akwati ta’ Pjazza Tritoni nnutaw raġel suspettat li kien hu li wettaq is-serqa. Hu ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Ahmed Tarek Migrief Ftis kien i-raġel li tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras u ammetta li wettaq is-serqa.

Fil-Qorti huwa qal li ma jaħdimx minħabba li kien weġġa’ f’inċident tat-traffiku. Id-difiża qalet li l-ħati għandu jingħata għajnuna psikjatrika u li ddispjaċih ta’ dak li għamel. Il-prosekuzzjoni mmexxija mil-Ispetturi Daryl Borg u Gabriel Micallef qalet li għandu kondotta “ikkulurita” u kemm-il darba kien il-ħabs fuq serq. Wara li semgħet il-partijiet il-Maġistrat Galea Sciberras ikkundannat lir-raġel 10 xhur ħabs.