Futbol Sport

Elvis Mashike jagħti rebħa diffiċli lil Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

GUDJA U…………0

ĦAMRUN S……..1

Gudja: G. Zammit, J. Bolanos, A. Prates, V. Plut, B. Selemani (A. Azzopardi 74’), J. Arthur, N. Micallef, K. Micallef, H. Vella (J. Mintoff 88’), M. Muchardi, N. Navarrete (T. Gusman 74’) (T. Nagamatsu 78’)

Ħamrun S: H. Bonello, O. Bjelicic, R. Callegari, E. Marcelina, J. Corbalan, B. Ederson, M. Guillaumier, R. Camenzuli (V. Freitas 85’), R. Prsa (S. Attard 86’), E. Mashike, J. Soares (J. Robert 71’)

Imwissija: J. Bolanos 50’, J. Mintoff 90+3’ (G)

Skorja: E. Mashike 64’ (Ħ)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Edward Spiteri u Mark Ciantar

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Bruno Ederson (Ħamrun Spartans)

BOV Plejer tal-logħba: Elvis Mashike (Ħamrun Spartans)

Gowl fit-tieni taqsima minn Elvis Mashike kien biżżejed biex Ħamrun Spartans kisbu l-11-il rebħa fil-kampjonat biex b’hekk għalqu l-ewwel round kif  bdewħ kif ukoll żammew distakk konsiderevoli mit-timijiet ta’ taħthom. Min-naħa tagħhom għal Gudja din kienet il-ħames telfa tal-istaġun fejn tispikka l-inkonsistenza ta’ dan it-tim li fl-ewwel partiti deher li se jkun foza sorpriża’ iżda fl-aħħar parti tal-ewwel round tilef ir-ritmu u waqqa’ ħafna punti.

Ħamrun marru viċin fit-13-il minuta wara nċertezza fid-difiża ta’ Gudja, bil-ballun jasal għand Dodo li mill-ewwel prova lejn il-lasti ta’ Zammit, iżda dan tal-aħħar laqa’ tajjeb qabel mal-azzjoni twaqqfet għal foul fuq l-istess Zammit. Sitt minuti wara, azzjoni mibdija minn Dodo li għadda ‘l quddiem lejn Guillaumier li kkontrolla tajjeb il-ballun iżda x-xutt bix-xellug tal-internazzjonali Malti għadda ftit barra.

Fit-33 minuta minn tliet kwarti ta’ ground Ryan Camenzuli ttanta xortieħ b’xutt b’saħħtu, bi Glenn Zammit jilqa’ parzjalment b’diffikultà qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Wara din l-azzjoni Gudja ħasbu li marru fil-vantaġġ meta Vito Plut irċieva kross minn Navarrete u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Bonello, iżda l-gowl ma’ kienx konvalidad minħabba li skond l-assistant referee l-ballun qabeż il-linja tal-goal kick qabel wasal għand l-istess Plut, deċiżjoni kontroversjali.

Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Bjelicic għadda lejn Corbalan li mil-lemin qata’ lejn in-nofs u wara li qabeż żewġ plejers avversarji prova xutt li għadda jħakkek mal-wieqfa.

Eżatt mal-45 minuta l-aħjar ċans tal-ewwel taqsima jasal minn Ħamrun, meta Matthew Guillaumier bil-ballun fl-arja prova xutt mill-isbaħ li bil-goalkeeper Glenn Zammit megħlub għal kollox il-ballun ħabat mal-wieqfa u baqa’ sejjer barra. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

Ħamrun ħarġu fuq l-avversarji fit-tieni taqsima u fis-56 minuta korner ta’ Dodo jkun imtajjar mid-difiża Gudjana, bil-ballun jasal għand Camenzuli li prova x-xutt, bil-goalkeeper ta’ Gudja jirrispondi bl-aqwa mod possibli u wettaq save sabiħ li għat-tieni darba fil-partita ċaħħad lil Camenzuli minn goal sabiħ.

Ħamrun marru fil-vantaġġ fl-64 minuta meta kien korner mogħti minn Roko Prsa ‘il barra, b’Camenzuli jolqot ħażin, iżda b’xorti tajba għall-Ispartans il-ballun jispiċċa għand Elvis Mashike li minn quddiem Zammit ma’ żbaljax u kompla għal ġewwa.

Ċans tajjeb għal Gudja fid-79 minuta meta Plut għadda ballun tajjeb lejn is-sostitut Ayrton Azzopardi li qabad lid-difiża tal-ispartans fuq sieq waħda iżda falla l-mira u xeħet barra b’xutt fil-baxx.

Ħamrun baqgħu fil-kontroll assolut tal-logħba u wara seba’ minuti ta’ ħin miżjud tasal it-tisfira finali ta’ Malcolm Spiteri u tliet punti imorru għand it-tim immexxi minn Branko Nisevic.

Glenn Zammit ta’ Gudja jwettaq save tajjeb fuq Dodo ta’ Hamrun (Ritratt: Joseph Galea)